Il-MPE
Skopri aktar dwar min qed jirrappreżentak fil-Parlament Ewropew...
Malta hija rappreżentata minn 6 Membri tal-Parlament Ewropew (MPE), eletti miċ-ċittadini Maltin u tal-UE għal kull leġiżlatura. L-elezzjonijiet Ewropej isiru darba kull 5 snin f’kull stat membru.
Dawn huma l-MPE Maltin fil-kariga, li ġew eletti f’Ġunju 2024. L-elezzjonijiet tal-MPE li jmiss se jsiru fl-2029.
Il-Parlament Ewropew eleġġa lill-membru tal-PPE (Partit Popolari Ewropew) Maltija Roberta Metsola għall-ewwel darba bħala l-President tiegħu f’Jannar 2022. Dr Metsola ħadet post il-mibki David Sassoli, l-Eks President tal-Parlament Ewropew, li okkupa l-kariga minn Lulju 2019. Hija mbagħad ġiet eletta mill-ġdid għal sentejn u nofs oħra fl-10 leġiżlatura f’Lulju 2024.
-
Peter AGIUS
Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (Demokristjani)
Malta - Partit Nazzjonalista- E-mail: peter.agius@europarl.europa.eu
- Twitter: https://x.com/peteragius_eu
-
Alex AGIUS SALIBA
Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew
Malta - Partit Laburista -
Daniel ATTARD
Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew
Malta - Partit Laburista- E-mail: daniel.attard@europarl.europa.eu
-
Thomas BAJADA
Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew
Malta - Partit Laburista- E-mail: thomas.bajada@europarl.europa.eu
-
David CASA
Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (Demokristjani)
Malta - Partit Nazzjonalista- E-mail: david.casa@europarl.europa.eu
- Twitter: https://twitter.com/DavidCasaMEP
-
Roberta METSOLA
Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (Demokristjani)
Malta - Partit Nazzjonalista- E-mail: roberta.metsola@europarl.europa.eu
- Twitter: https://twitter.com/RobertaMetsola
- Website: http://robertametsola.eu/
Fejn hu bbażat il-Parlament?
Il-Parlament Ewropew għandu tliet postijiet tax-xogħol: Brussell (il-Belġju), il-Lussemburgu u Strażburgu (Franza).
L-uffiċċji amministrattivi (is-“Segretarjat Ġenerali”) jinsabu l-Lussemburgu. Il-laqgħat tal-Parlament kollu, magħrufa bħala s-“sessjonijiet plenarji”, isiru fi Strażburgu u xi drabi fi Brussell. Il-laqgħat tal-kumitati jsiru fi Brussell ukoll.
X’jagħmel il-Parlament?
1. Jiddibatti l-leġiżlazzjoni
Il-PE jadotta l-liġi tal-UE b’mod konġunt mal-Kunsill f’ħafna oqsma ta’ politika. Il-fatt li l-PE huwa elett direttament miċ-ċittadini jgħin biex jiżgura l-leġittimità demokratika tal-liġi Ewropea. L-aktar proċedura komuni għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE hija l-proċedura ta’ “kodeċiżjoni”. Skont din il-proċedura, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom drittijiet ugwali, u din il-proċedura tapplika għal leġiżlazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma.
F’xi oqsma (pereżempju l-agrikoltura, il-politika ekonomika, il-viżi, u l-immigrazzjoni), il-Kunsill jilleġiżla waħdu imma jrid jikkonsulta mal-Parlament. Barra minn hekk, l-approvazzjoni tal-Parlament hija meħtieġa għal ċerti deċiżjonijiet importanti, bħal li jitħallew jissieħbu pajjiżi oħra fl-UE.
Il-Parlament jipprovdi wkoll impetu għal leġiżlazzjoni ġdida billi jirrevedi l-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni, iqis liema leġiżlazzjoni ġdida tkun xierqa, u jistieden lill-Kummissjoni biex tissottometti l-proposti.
2. Superviżjoni demokratika
Il-Parlament jeżerċita kontroll demokratiku fuq l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u, b’mod partikolari, fuq il-Kummissjoni. Għandu s-setgħa li japprova jew jirrifjuta l-ħatra tal-Kummissarji u d-dritt li jiċċensura lill-Kummissjoni kollha kemm hi. Il-Parlament jeżerċita kontroll demokratiku fuq l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra. Dan jagħmlu b’diversi modi.
Meta tidħol fil-kariga Kummissjoni ġdida, il-membri tagħha jiġu nominati mill-gvernijiet tal-istati membri tal-UE, imma ma jistgħux jinħatru mingħajr il-kunsens tal-Parlament. Il-Parlament jintervista lil kull wieħed u waħda minnhom, inkluż lill-President il-ġdid tal-Kummissjoni, u mbagħad jivvota dwar jekk japprovax
lill-Kummissjoni kollha kemm hi.
Matul il-leġiżlatura tagħha, il-Kummissjoni hija politikament responsabbli quddiem il-Parlament, li jista’ jgħaddi “mozzjoni ta’ ċensura”, li ssejjaħ għar-riżenja tal-Kummissjoni. B’mod aktar ġenerali, il-Parlament jeżerċita l-kontroll tiegħu billi regolarment jeżamina r-rapporti mibgħuta lilu mill-Kummissjoni (ir-rapport annwali, rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, eċċ.). Barra minn hekk, il-MPE regolarment jistaqsu mistoqsijiet lill-Kummissjoni, li l-Kummissarji huma legalment obbligati li jwiġbuhom.
Il-Parlament jimmonitorja wkoll il-ħidma tal-Kunsill: il-MPE regolarment jistaqsu mistoqsijiet lill-Kunsill, u l-President tal-Kunsill jattendi sessjonijiet plenarji tal-PE u jipparteċipa f’dibattiti importanti. Il-Parlament jista’ jeżerċita aktar kontroll demokratiku billi jqis petizzjonijiet mingħand iċ-ċittadini u jwaqqaf kumitati ta’ inkjesta.
Finalment, il-Parlament jikkontribwixxi għal kull summit tal-UE (il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew). Fil-bidu ta’ kull summit, il-President tal-Parlament ikun mistieden jippreżenta l-fehmiet u t-tħassib tal-Parlament dwar kwistjonijiet attwali u suġġetti fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew.
3. Is-setgħa tal-portafoll
Il-Parlament jaqsam il-kompetenza għall-baġit tal-UE mal-Kunsill u jista’ għalhekk jinfluwenza l-infiq tal-UE. Il-baġit annwali tal-UE huwa adottat b’mod konġunt mill-Parlament u l-Kunsill. Il-Parlament jiddibattih f’żewġ sessjonijiet ta’ qari suċċessivi, u jadotta jew jirrifjuta l-baġit sħiħ fl-aħħar tal-proċedura. Il-baġit jidħol fis-seħħ biss wara li jkun ġie ffirmat mill-President tal-Parlament Ewropew.
Il-Kumitat tal-Parlament dwar il-Kontroll tal-Baġit (CONT) jimmonitorja l-użu tal-fondi baġitarji, u kull sena l-Parlament jiddeċiedi jekk japprovax il-ġestjoni baġitarja tal-Kummissjoni għas-sena finanzjarja preċedenti. Dan il-proċess ta’ approvazzjoni teknikament jissejjaħ l-“għoti tal-kwittanza”.
Kif tiġi organizzata l-ħidma tal-Parlament?
Il-ħidma tal-PE tista’ tinqasam f’żewġ fażijiet ewlenin:
1. Il-preparazzjoni tas-sessjoni plenarja. Din issir mill-MPE fil-kumitati parlamentari varji, li jispeċjalizzaw f’ċerti oqsma ta’ attività tal-UE. Is-suġġetti li jsiru dibattiti dwarhom jiġu diskussi wkoll fil-gruppi politiċi.
2. Is-sessjoni plenarja nnifisha. Is-sessjonijiet plenarji ġeneralment isiru fi Strażburgu (ġimgħa kull xahar) u xi drabi fi Brussell (jumejn biss). F’dawn is-sessjonijiet, il-Parlament iqis leġiżlazzjoni proposta u jivvota fuq emendi qabel ma jiddeċiedi fuq it-test sħiħ.
Suġġetti oħra fuq l-aġenda jistgħu jinkludu komunikazzjoni mingħand il-Kunsill jew il-Kummissjoni jew mistoqsijiet dwar x’inhu jiġri fl-UE jew fid-dinja.
Kif jiġi elett?
L-elezzjonijiet għall-PE jsiru kull 5 snin, u l-MPE jiġu eletti għal leġiżlatura parlamentari ta’ 5 snin. L-elezzjonijiet isiru skont il-liġijiet u s-sistemi elettorali nazzjonali. Dan ifisser li xi pajjiżi japplikaw sistema ta’ kostitwenza bħal fir-Renju Unit, filwaqt li fi stati oħra hemm sistema ta’ rappreżentanza proporzjonali, bħal fin-Netherlands jew f’Malta.
Il-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej hija obbligatorja f’pajjiżi bħall-Greċja, il-Belġju u l-Lussemburgu. Madankollu, is-sistemi elettorali nazzjonali għandhom ħafna aktar komuni bejniethom fejn jidħlu d-drittijiet tal-votanti, bħad-dritt għall-vot mill-età ta’ 18-il sena. Minn meta ġie stabbilit it-Trattat ta’ Maastricht, kull ċittadin tal-UE jista’ jivvota jew joħroġ għall-elezzjoni fil-pajjiż fejn joqgħod.