Żgħażagħ

Jitħabbar ir-Rebbieħ Nazzjonali Malti għall-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej 2025!

Jitħabbar ir-Rebbieħ Nazzjonali Malti għall-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej 2025!

charlemagne-prize-winner

 

Ninsabu ħerqanin ħafna biex inħabbru li r-Rebbieħ Nazzjonali Malti għall-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej 2025 huwa ‘Green Bean Guru Cookbook Project – Maltese Recipes’!

Dan il-proġett innovattiv spikka għall-oriġinalità, talli ssodisfa l-objettivi tiegħu, u għall-iskop internazzjonali tiegħu. B’hekk huwa kiseb l-ewwel post fost kontestanti tajbin ħafna. Din l-inizjattiva, żviluppata minn grupp ta’ Maltin, tiċċelebra r-riċetti tradizzjonali Maltin, filwaqt li konxjament iddaħħal fihom element ambjentali. Hija tħaddan spirtu transfruntier Ewropew ta’ kollaborazzjoni u skambju internazzjonali. Tistgħu ssegwu l-vjaġġ ta’ dan il-proġett fuq il-media soċjali.

X’inhu l-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ?

Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ jingħata kull sena lil proġetti straordinarji mmexxija miż-żgħażagħ li jippromwovu l-komunità, id-demokrazija, il-kooperazzjoni, u s-sostenibbiltà. Din il-kompetizzjoni hija miftuħa għar-residenti tal-UE ta’ bejn is-16 u t-30 sena, u toffri lill-innovaturi żgħażagħ iċ-ċans li jiksbu rikonoxximent u finanzjament għall-inizjattivi tagħhom.

Kull proġett rebbieħ mis-27 rebbieħ nazzjonali - proġett minn kull stat membru tal-UE - issa jikkompeti għall-ogħla tliet premji Ewropej, mogħtija minn ġurija fuq livell Ewropew. Ir-rebbieħa se jaqilgħu sa €7,500 premju monetarju, u rappreżentant/a minn kull proġett se jkollhom l-opportunità inkredibbli li jagħmlu Schuman traineeship.

Sena ta’ rekords għal Malta!

Din is-sena rat numru rekord ta’ sottomissjonijiet ta’ proġetti f’Malta, u b’hekk id-deċiżjoni tal-ġurija kienet aktar diffiċli minn qatt qabel. Il-ġurija Maltija faħħret lit-tim ta’ Green Bean Guru għad-dedikazzjoni, l-isforzi internazzjonali u ta’ skambju kulturali tagħhom.

Narawkom f’Aachen!

Rappreżentant minn kull proġett rebbieħ nazzjonali se jivvjaġġa lejn Aachen fil-Ġermanja fis-27 ta’ Mejju sabiex jipparteċipa fiċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni u l-Ġimgħa tar-Rebbieħa.

Għandek xi idea li tippromwovi valuri Ewropej b’saħħithom? Ibqa’ segwi għall-iskadenza tal-applikazzjonijiet tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej tas-sena d-dieħla, u ħalli l-impatt tiegħek fuq l-Ewropa!

👉 Skopri aktar dwar il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej hawn!

Żgħażagħ

  • Jitħabbar ir-Rebbieħ Nazzjonali Malti għall-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej 2025!