Tibda l-kampanja tal-Premju LUX tal-Udjenza 2025 f’Malta u Għawdex
Il-ħames films finalisti se jintwerew lill-pubbliku ġenerali bla ħlas fiċ-ċinemas lokali

Bi pjaċir nippreżentaw l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Premju LUX tal-Udjenza, organizzat mill-Parlament Ewropew u mill-European Film Academy.
Qed jerġgħu jintwerew il-films finalisti tal-Premju LUX tal-Udjenza, u jibdew jintwerew il-Ħadd li ġej f’Għawdex! Il-ħames films finalisti għal din is-sena se jintwerew b’sottotitoli bil-Malti u bl-Ingliż - darba fi Spazju Kreattiv f’Malta, u darba f’Citadel Cinema f’Għawdex. L-iskrinjar huwa BLA ĦLAS u miftuħ għall-pubbliku.
Il-ħames films finalisti huma sottotitolati bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE, u l-iskrinjar bla ħlas huwa organizzat mill-Parlament Ewropew fis-27 pajjiż tal-UE, inkluż f’Malta. B’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, Spazju Kreattiv u Citadel Cinema qed juru l-ħames films fil-Belt Valletta u fir-Rabat, Għawdex matul Marzu u April 2025.
Ikklassifika l-films sa April 2025, u titlifx iċ-ċans li tirbaħ firxa ta’ premji eċitanti, inkluż vjaġġ għall-Parlament Ewropew sabiex tattendi ċ-Ċerimonja tal-Premju LUX f’April 2025 u tiltaqa’ mad-diretturi u t-timijiet tal-films finalisti.
“INTERCEPTED”
Direzzjoni ta’ Oksana Karpovych | Il-Kanada, Franza, l-Ukrajna | 95 min
Intercepted huwa tentattiv biex tinstab it-tweġiba billi turi żewġ dinjiet paralleli. Il-kamera tirreġistra xbihat ta’ qerda f’ritratti meħuda mingħajr għaġla, li fihom naraw irħula, bliet, djar u awtostradi Ukreni wara l-ħelsien tagħhom mill-okkupazzjoni Russa. Aħna nisimgħu r-reġistrazzjonijiet ta’ konverżazzjonijiet bit-telefon interċettati fl-2022 mis-Servizz Sigriet Ukren bejn suldati Russi fit-trinek fl-Ukrajna u l-familji tagħhom.
“ANIMAL”
Direzzjoni ta’ Sofia Exarchou| Il-Greċja, l-Awstrija, ir-Rumanija, Ċipru, il-Bulgarija| 116-il min
Taħt ix-xemx tikwi Griega, l-animators f'resort ta’ gżira fejn kollox inkluż jippreparaw għall-istaġun turistiku impenjattiv. Kalia hija l-mexxejja tal-grupp. Dekorazzjonijiet tal-karti, kostumi ileqqu u wirjiet ta’ żfin jimlew il-palk. Waqt li s-sajf għaddej u l-pressjoni tax-xogħol qed tiżdied, l-iljieli tagħhom isiru vjolenti u t-taqbida ta’ Kalia tinkixef fid-dlam. Imma meta d-dwal jerġgħu jinxtegħlu, l-ispettaklu jrid ikompli.
“DAHOMEY”
Direzzjoni ta’ Mati Diop| Franza, is-Senegal, il-Benin| 67 min
Novembru 2021. 26 teżor rjali tar-Renju ta’ Dahomey waslu biex jitilqu minn Pariġi biex jirritornaw lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, li fil-preżent saret ir-Repubblika tal-Benin. Flimkien maʼ eluf taʼ oħrajn, dawn l-artefatti ġew misruqa mit-truppi kolonjali Franċiżi fl-1892. Imma x’attitudni għandu wieħed jadotta għar-ritorn ta’ dawn l-artefatti fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom li kellu jimxi ’l quddiem fin-nuqqas tagħhom? Id-dibattitu jinqala’ fost l-istudenti fl-Università ta’ Abomey-Calavi.
“JULIE KEEPS QUIET”
Direzzjoni ta’ Leonardo van Dijl| Il-Belġju, l-Iżvezja| 100 min
Bħala l-plejer eċċezzjonali ta’ akkademja famuża tat-tennis, il-ħajja ta' Julie iddur madwar il-logħba li tħobb. Meta l-kowċ tagħha jispiċċa taħt investigazzjoni u jiġi sospiż f’daqqa waħda, il-plejers kollha tal-klabb huma mħeġġa jitkellmu. Imma Julie tiddeċiedi li tibqa’ kwieta...
“FLOW”
Direzzjoni ta’ Gints Zilbalodis| Il-Latvja, Franza, il-Belġju| 85 min
Id-dinja tidher li qed toqrob lejn it-tmiem tagħha, mimlija bit-traċċi ta’ preżenza umana. Il-qattus huwa annimal solitarju, iżda meta d-dar tiegħu tinqered minn għargħar kbir, isib kenn fuq dgħajsa popolata minn speċi varji, u jkollu jingħaqad magħhom minkejja d-differenzi tagħhom. Fid-dgħajsa solitarja li tbaħħar minn pajsaġġi mistiċi, huma jinnavigaw l-isfidi u l-perikli li għalihom iridu jadattaw f’din id-dinja l-ġdida.
L-iskeda tal-iskrinjar:
Citadel Cinema, Għawdex:
Il-Ħadd 2 ta’ Marzu fit-3.30pm - Intercepted
Il-Ħadd 9 ta’ Marzu fit-3.30pm – Animal
Il-Ħadd 16 ta’ Marzu fit-3.30pm – Dahomey
Il-Ħadd 23 ta’ Marzu fit-3.30pm – Julie Keeps Quiet
Il-Ħadd 26 t’April fis-2.30pm – Flow
Spazju Kreattiv, Malta:
It-Tlieta 18 ta’ Marzu fis-7.30pm – Intercepted
L-Erbgħa 26 ta’ Marzu fis-7.30pm – Animal
Il-Ħamis 3 t’April fis-7.30pm – Dahomey
Il-Ħamis 10 t’April fis-7.30pm – Julie Keeps Quiet
Is-Sibt 26 t’April fit-3.30pm – Flow