Nintroduċu lil Matteo Caruana Bond, ir-rappreżentant Malti għall-Programm Talent Żagħżugħ 2025

Edizzjoni oħra tal-Programm Talent Żagħżugħ tal-Premju LUX tal-Udjenza

Matteo Caruana Bond

L-istaġun tal-Premju LUX tal-Udjenza reġa’ wasal, u dan ifisser li wasal iż-żmien għal edizzjoni oħra tal-Programm Talent Żagħżugħ tal-Premju LUX tal-Udjenza!

Dan il-programm joffri opportunità eċitanti lill-professjonisti żgħażagħ fl-industrija tal-films, billi għandu l-għan li jinvolvi u jħarreġ lil 27 professjonist żagħżugħ taċ-ċinema - li jirrappreżentaw lis-27 Stat Membru tal-UE - sabiex dawn jappoġġjaw il-promozzjoni tal-Premju LUX tal-Udjenza, u l-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea, permezz taċ-ċinema Ewropea.

Kull sena, l-Uffiċċji ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew jagħżlu lil professjonist żagħżugħ/a minn kull pajjiż tal-UE permezz ta’ dan il-proċess miftuħ ta’ applikazzjonijiet, li ssir promozzjoni tiegħu fost iċ-ċinemas Ewropej minn diversi organizzazzjonijiet.

Il-professjonist żagħżugħ li qed jirrappreżenta lil Malta din is-sena huwa Matteo Caruana Bond, attur freelance Malti b’aktar minn 20 sena ta’ esperjenza fl-arti performattiva, minn films internazzjonali sa produzzjonijiet lokali għat-televixin. Riċentement imħarreġ f’The Art of Acting Studio, Matteo qed ikompli jirfina s-sengħa tiegħu u jespandi l-versatilità tiegħu bħala performatur. B’qafas b’saħħtu fit-teatru u fuq l-iskrins, huwa se jkollu rwol ewlieni f’xow għat-televixin li se jixxandar dalwaqt. Matteo għandu t-tir li jirnexxi bħala attur u persuna kreattiva dinamika.

Flimkien ma’ żgħażagħ oħra minn madwar l-UE, Matteo żar Strażburgu din il-ġimgħa għal sessjonijiet informattivi dwar il-Parlament Ewropew u l-Premju LUX tal-Udjenza ma’ sħab ewlenin, partijiet ikkonċernati, u organizzazzjonijiet rilevanti tal-films (produtturi, distributuri, kritiċi tal-films, eċċ.). Kien preżenti wkoll għaċ-ċerimonja li seħħet nhar it-Tlieta filgħaxija meta tħabbru l-films finalisti ta’ din is-sena għall-Premju LUX tal-Udjenza, fil-preżenza tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

Il-Premju LUX tal-Udjenza 2026

Fid-diskors tagħha matul iċ-ċerimonja, il-President Metsola enfasizzat li ċ-ċinema hija parti minn min aħna bħala Ewropej, u li l-films magħżulin juru l-impenn tal-Parlament Ewropew lejn id-difiża tad-demokrazija, il-libertà, u d-diversità. Fil-fehma tagħha, il-Premju LUX tal-Udjenza jgħin billi jqarreb iċ-ċinema Ewropea lejn in-nies “jgħixu fejn jgħixu,” u jagħti opportunità liċ-ċittadini li jħarsu lejn l-Ewropa “minn perspettiva differenti.”

Matteo kellu l-opportunità unika li jiltaqa’ u jitkellem mal-President, kif ukoll mal-ħames MPE Maltin l-oħra: Peter Agius, Alex Agius Saliba, Daniel Attard, Thomas Bajada u David Casa.

matteo-caruana-bond-president-metsola