“Back to the f(EU)ture”: Logħba ta’ simulazzjoni li tesplora l-ħajja fl-UE

11-il skola laqgħu l-logħba “Back to the f(EU)ture” u pparteċipaw f’diskussjonijiet dwar il-benefiċċji taċ-ċittadinanza fl-UE.

back-to-the-f-eu-ture-game

 

11-il skola laqgħu l-logħba “Back to the f(EU)ture” u pparteċipaw f’diskussjonijiet dwar il-benefiċċji taċ-ċittadinanza fl-UE.

Studenti mill-Kulleġġ St Edward’s, l-Iskola St Joseph f’Tas-Sliema, il-Junior College, il-Kulleġġ Sacred Heart, il-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport, il-Kulleġġi Santa Klara, Santu Wistin, St Martin’s, San Benedittu, l-Iskola St Dorothy’s, u l-Iskola Carlo Diacono lagħbu l-logħba, u ħafna studenti staqsew mistoqsijiet intelliġenti u għamlu konnessjonijiet bejn ħajjithom u xenarji fil-logħba.

L-idea tal-logħba, li hija ffaċilitata minn voluntiera mħarrġin, hija li gruppi jagħmluha ta’ żewġ familji Maltin b’erba’ membri f’kull familja (l-omm, il-missier, il-bint u l-iben). Waħda mill-familji tkun tgħix fis-sena 2000, u l-oħra tgħix fil-preżent, qabel u wara li Malta saret stat membru tal-Unjoni Ewropea. L-istudenti jesploraw kif l-integrazzjoni fl-UE taffettwa l-ħajja ta’ kuljum, b’enfasi partikolari fuq il-moviment ħieles fi ħdan l-Unjoni. L-omm f’kull familja tissuġġerixxi li l-familja tmur tgħix f’pajjiż ieħor fl-Ewropa għal opportunitajiet u ħajja aħjar. Hija tipproponi l-idea lill-membri l-oħra tal-familja u tisma’ l-opinjonijiet tagħhom.

L-attività hija maħsuba biex ittejjeb il-mod kif jaħsbuha l-parteċipanti dwar l-UE u l-benefiċċji ġejjin mis-sħubija fl-UE. Tipprovdi wkoll fehim aħjar dwar kif tjiebet ħajjet iċ-ċittadini Maltin minn meta Malta ssieħbet fl-UE, u twassal lill-istudenti biex jifhmu u japprezzaw dan kollu.

L-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLO) f’Malta, flimkien mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u l-Istitut tal-Istudji Ewropej fl-Università ta’ Malta nedew il-logħba ta’ simulazzjoni edukattiva bl-isem “Back to the f(EU)ture” fl-2023. Il-logħba hija mmirata għal studenti fl-iskola sekondarja u postsekondarja. Hija mfassla biex tgħin lill-parteċipanti jifhmu d-drittijiet, l-opportunitajiet u l-isfidi assoċjati mas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, u kienet ta’ suċċess kbir. L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta jittama li l-logħba “Back to the f(EU)ture” tibqa’ għodda utli għall-edukazzjoni ċivika u l-involviment tal-iskejjel madwar Malta u Għawdex. Diġà hemm pjanijiet fis-seħħ sabiex jiġi estiż in-network ta’ faċilitaturi mħarrġin, sabiex aktar żgħażagħ ikollhom l-opportunità li jieħdu sehem f’dan il-vjaġġ uniku tul iż-żmien bejn il-passat u l-preżent tal-Ewropa.

Kwalunkwe skola jew organizzazzjoni taż-żgħażagħ li hija interessata biex tikseb kopja tal-logħba ta’ simulazzjoni hija mħeġġa tikkuntattja lill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.