Il-konnettività u l-kompetittività fiċ-ċentru taż-żjara ta’ Delegazzjoni tal-PE
L-importanza tal-konnettività - bl-ajru, bil-baħar u permezz tal-infrastruttura tal-enerġija - kienet it-tema ewlenija ta' tlett ijiem ta' laqgħat li saru f'Malta u Għawdex minn Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew mill-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN).

L-MEPs Virginijus Sinkevičius (Greens, LT), Nina Carberry (EPP, IE), Elena Nevado Del Campo (EPP, ES), Sérgio Gonçalves (S&D, PT), Daniel Attard (S&D, MT) u Arash Saeidi (The Left, FR) iltaqgħu mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, il-Ministri għat-Trasport u għal Għawdex, u Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra. Huma kellhom l-opportunità li jisimgħu direttament mill-partijiet interessati dwar l-isfidi li Malta u Għawdex jiffaċċjaw f'dawn is-setturi, hekk kif jippruvaw isiru aktar sostenibbli. “L-aktar aspett importanti għad-delegazzjoni kien li tisma’ lill-partijiet interessati. Kwistjoni rikorrenti hija li Malta saret vittma tas-suċċess tagħha stess, bl-infrastruttura li mhux dejjem kapaċi tlaħħaq maż-żieda fil-popolazzjoni u fit-turisti fuq il-gżejjer, u dan iġib miegħu diversi sfidi”, qal il-Viċi President tal-Kumitat TRAN u l-Kap tad-Delegazzjoni, is-Sur Sinkevičius. “Barra minn hekk, il-ministri iżda wkoll il-partijiet interessati rreferew għall-implimentazzjoni ta’ ċerti liġijiet tal-UE bħall-Pakkett dwar il-Mobbiltà li huwa ċar li jħalli impatt fuq l-interessi tan-negozju, iżda jmur ukoll kontra l-interess tal-Patt Ekoloġiku (Green Deal) peress li l-operaturi jridu jirritornaw trakkijiet vojta lejn il-kontinent, u dan ma jagħmilx sens.” Is-Sistema tal-UE għall-Kummerċ tal-Emissjonijiet tqajmet f’diversi skambji. “Diġà toħloq ċerti sfidi għal Malta, u f’dawn iċ-ċirkostanzi vulnerabbli, irridu nisimgħu b’attenzjoni kbira u nieħdu d-deċiżjonijiet,” innota l-MEP Sinkevičius, waqt li tkellem fi tmiem iż-żjara. Aktar kmieni, nhar it-Tnejn, id-Delegazzjoni ltaqgħet mal-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Chris Bonett kif ukoll ma’ rappreżentanti minn Transport Malta u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Żaru wkoll proġetti infrastrutturali ffinanzjati mill-UE bħall-junctions tal-Marsa u Ħal Luqa u l-faċilità tal-enerġija Shore-to-Ship fil-Port il-Kbir. F’Għawdex, il-Membri tal-PE ltaqgħu mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex. Dawn tal-aħħar it-tnejn enfasizzaw l-importanza tal-investiment fil-vapuri u mezzi oħra ta’ trasport, kif ukoll il-bilanċ fit-turiżmu u li jingħelbu l-isfidi tal-istaġjonalità fil-kuntest speċifiku tal-insularità doppja. Il-korpi rappreżentattivi esprimew tħassib u ressqu għadd ta' proposti. L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) indikat il-ħtieġa għal regolamentazzjoni aħjar tal-pjattaformi tal-prenotazzjonijiet online, li għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq, filwaqt li l-Assoċjazzjoni tal-Operaturi tat-Tractors u t-Trejlers (ATTO), li l-membri tagħha jġorru l-maġġoranza tal-merkanzija impurtata fil-gżejjer, esprimew tħassib dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq l-operat tagħhom. L-iskambju mal-maniġment tal-KM Malta Airlines iffoka l-aktar fuq aspetti regolatorji li tiffaċċja l-linja tal-ajru speċjalment marbuta mar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà. Iż-żjara tad-delegazzjoni kkonkludiet b’konferenza stampa indirizzata mis-Sur Sinkevičius f’Dar l-Ewropa nhar l-Erbgħa 28 ta’ Mejju. |