Delegazzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew żaret Malta

Fl-1 u t-2 ta’ April, delegazzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew żaret Malta biex teżamina l-użu tal-fondi tal-Unjoni Ewropea u l-proċessi ta’ verifika.

Fl-1 u t-2 ta’ April, delegazzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew żaret Malta biex teżamina l-użu tal-fondi tal-Unjoni Ewropea u l-proċessi ta’ verifika.
Id-delegazzjoni tal-CONT kellha programm intensiv ta’ laqgħat mal-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, l-Aġenzija tal-Programmi tal-UE, id-Dipartiment tal-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil (EUAA).
 
“Ġejna Malta biex niżguraw li l-fondi Ewropej li tirċievi Malta jintużaw biex itejbu l-ħajja taċ-ċittadini Maltin u biex itejbu l-ambjent tan-negozju hawnhekk,” qal il-MPE Tomáš Zdechovský (PPE, CZ), li mexxa d-delegazzjoni. “Nista’ ngħid li l-atmosfera ġenerali kienet kostruttiva u nixtieq nirringrazzja kemm lill-uffiċjali Maltin kif ukoll lill-maniġment tal-EUAA għall-impenn u r-rieda tagħhom li jiddiskutu. Id-diskussjonijiet tagħna ffukaw fuq il-governanza, il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-fondi tal-UE, kif ukoll fuq ir-responsabbiltajiet nazzjonali fl-iżgurar tal-konformità u l-obbligu ta’ rendikont.”
“Id-delegazzjoni ltaqgħet ukoll mad-Dipartiment tal-Awditjar Intern għall-Fondi tal-UE, li pprovda għarfien dwar il-metodoloġiji tal-awditjar, il-mekkaniżmi ta’ kontroll, u l-qafas ta’ aċċertament usa’. L-awtoritajiet Maltin tawna perspettiva pjuttost pożittiva tas-sitwazzjoni u l-miżuri fis-seħħ biex jiżguraw li l-fondi tal-UE jintefqu b’mod adegwat. Madankollu, id-delegazzjoni kkonkludiet li għad hemm passi x'jittieħdu u miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-awtoritajiet biex jiżguraw li l-kwistjonijiet kollha jiġu indirizzati. Irridu nevitaw li Malta ssir stat maqbud bħall-Ungerija jew is-Slovakkja. Il-fondi tal-UE huma għaċ-ċittadini u n-negozji Maltin u jridu jintużaw għalihom, mhux għal ċirku żgħir ta’ politiċi,” huwa kkonkluda.
Id-delegazzjoni tal-CONT żaret ukoll l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil peress li l-Parlament Ewropew inizjalment ma tax kwittanza lill-EUAA, wara investigazzjoni mill-OLAF, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi. Il-kwittanza ngħatat wara bidliet mill-Aġenzija, u d-delegazzjoni CONT qed issegwi l-implimentazzjoni mill-EUAA tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament.
“Il-miżuri li l-Aġenzija daħħlet fis-seħħ jidhru li jaħdmu, iżda jeħtieġ li jinżammu u jiġu infurzati. Il-Maniġment irid ikompli jibni mill-ġdid il-fiduċja mal-persunal u trid tiġi żgurata aktar trasparenza fi proċessi bħall-promozzjonijiet u l-proċeduri interni,” qal il-MPE Zdechovský.

Id-delegazzjoni tal-Kumitat CONT kienet immexxija minn Tomáš Zdechovský (PPE, CZ), u inkludiet lil Paulo Cunha (PPE, PT) u Dick Erixon (ECR, SE), kif ukoll l-MPE Peter Agius (PPE, MT), u l-MPE Evin Incir (S&D, SE) mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern għal-laqgħat mal-EUAA.

Sfond: 
Il-Kumitat CONT huwa responsabbli għas-sorveljanza politika tal-infiq tal-fondi tal-UE, biex jiżgura l-legalità, il-konformità regolatorja, u l-ġestjoni finanzjarja tajba.
Il-Kumitat CONT iħejji l-pożizzjoni tal-Parlament għall-kwittanza tal-baġit tal-UE abbażi tar-rapport mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Il-kwittanza tiġi vvutata fil-plenarja bħala parti mis-setgħat baġitarji tal-Parlament.