L-Uffiċċju tal-PE f’Malta jipparteċipa fl-Unconventional Science Careers Days 2025

Avveniment organizzat mill-Malta Chamber of Scientists

Students take part in an event called Unconventional Science Careers Days

Lejn tmiem Novembru, l-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta ħa t-tfassil tal-politiki direttament għand l-istudenti matul l-avveniment tal-Unconventional Science Careers Days 2025. L-avveniment, li seħħ fis-27 u t-28 ta’ Novembru, kien organizzat mill-Malta Chamber of Scientists fl-Università ta’ Malta.

Għalkemm ħafna nies jassoċjaw ix-xjenza ma’ xogħol fil-laboratorju biss, l-avveniment Unconventional Science Careers wera li l-oqsma STEAM (ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti, u l-Matematika) għandhom dimensjoni usa’. L-istudenti kellhom l-opportunità li jitgħallmu dwar il-monitoraġġ ambjentali, id-disinn tal-inġinerija, il-manifatturar diġitali, l-imaging mediku, il-komunikazzjoni dwar ix-xjenza, il-protezzjoni ambjentali, u oqsma oħra li mhumiex konvenzjonali. Ir-rappreżentanza tagħna tista’ titqies ukoll fost dawn l-oqsma li forsi jitqiesu mhux tas-soltu.

Bħalma spjegat Dr Danielle Martine Farrugia, li hija l-Eżekuttiv Għoli fl-Impenn Xjentifiku fl-Università ta’ Malta, “Li t-tfal imissu max-xjenza minn età żgħira jrawwem fihom il-kurżità, jibni l-kunfidenza, u jgħin lill-istudenti jifhmu li l-ħsieb xjentifiku mhuwiex limitat għall-kotba tal-iskola jew għal-laboratorji; huwa mod kif jesploraw u jagħmlu sens mid-dinja ta’ madwarhom. Avvenimenti bħal dawn jagħtu liż-żgħażagħ iċ-ċans li jesperjenzaw ix-xjenza bħala xi ħaġa eċitanti, kreattiva, u aċċessibbli, filwaqt li jrawmu fihom ukoll il-ħiliet tal-ħsieb kritiku li jsaħħuhom bħala ċittadini attivi.” Kliemha jiddeskrivi b’mod preċiż l-għan ta’ dan l-avveniment.

Bħala parti mill-kontribuzzjoni tagħna bħala r-rappreżentanza tal-Parlament Ewropew, organizzajna workshop interattiv bi rwoli differenti, li stieden lill-istudenti jidħlu direttament fid-dinja tat-tfassil tal-politiki tal-UE. Ħejjejna mudell tal-Parlament Ewropew għalihom. Il-parteċipanti kellhom rwoli differenti - min kien ġenitur, min għalliem, min żviluppatur tal-IA, u saħansitra Membru tal-Parlament Ewropew. Li kellhom komuni r-rwoli kollha kien li kollha kienu qed jiddibattu mistoqsija ewlenija:

Għandhom l-iskejjel jippermettu l-użu tal-IA?

Il-workshop wera lill-istudenti kemm xi drabi jista’ jkun kumpless t-tfassil tal-politiki, kif jibbilanċja l-innovazzjoni, ir-riskji, u l-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli, bħat-tfal. Bis-saħħa tar-rwoli differenti, l-istudenti setgħu jaraw l-istess problema minn perspettivi differenti u jifhmu kif dawn il-perspettivi jinfluwenzaw it-teħid tad-deċiżjonijiet innifsu. L-involviment tagħhom fit-teħid demokratiku tad-deċiżjonijiet u l-ideat kreattivi tagħhom għal regoli ġusti, siguri u innovattivi għall-użu tal-IA fl-iskejjel kienu ta’ ispirazzjoni, u xi drabi sorprendenti, meta tqis li dawn l-ideat ġew minn imħuħ ta’ 11 u 12-il sena!

 

Students gathered around a table