“L-ugwaljanza mhix biss eżerċizzju akkademiku, trid tkun prinċipju fundamentali f’kulma nagħmlu”
Il-President tal-PE Roberta Metsola fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa

“Għandna bżonn aktar nisa fil-politika. Għandna bżonn it-tmexxija tagħhom u l-vuċijiet qawwija tagħhom f’Malta u Għawdex, fl-Ewropa u lil hinn. Irridu nsostnu lil xulxin, irridu nirrakkontaw l-istejjer tagħna biex nikkonvinċu lil oħrajn biex jieħdu ċ-ċans,” qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, f’okkażjoni biex tfakkar il-Jum Internazzjonali tan-Nisa fit-8 ta’ Marzu.
Il-President Metsola kienet qed titkellem f’laqgħa ta’ mexxejja fin-negozju, il-finanzi, is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet filantropiċi, kif ukoll edukaturi, studenti, professjonisti tal-media u content creators, fl-Imdina nhar il-Ġimgħa.
Hija wieġbet għadd ta’ mistoqsijiet mill-preżentaturi magħrufa Clare Agius Ordway, Melanie Kelly u Trudy Kerr, fejn tkellmet dwar in-nisa fil-politika, ħajjitha bħala mexxejja u omm, u l-viżibilità tagħha fuq il-media soċjali u l-iskrutinju pubbliku eħrex li jirċievu n-nisa li jkunu taħt il-lenti.
Il-President Metsola irrimarkat kif meta n-nisa jirnexxu, jiġġeneraw tkabbir, jittrasformaw il-komunitajiet u jispiraw il-ġenerazzjoni li jmiss. Hija qalet li biex nagħtu s-setgħa lill-ġenerazzjoni ta’ mexxejja nisa b’saħħithom ta’ għada, irridu mmexxu bl-eżempju u n-nisa għandhom jgħinu lin-nisa.
Il-President Metsola rreferiet ukoll għall-ispinta tal-Parlament Ewropew fost oħrajn bid-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet. Mill-adozzjoni tagħha, ir-rata ta’ ħatriet tan-nisa fir-rwoli kollha fil-bordijiet żdiedet minn 35% għal 43%. “Rajna progress, iżda hemm bżonn aktar,” hija qalet.
Il-President Metsola wieġbet ukoll mistoqsijiet mill-udjenza dwar suġġetti li jvarjaw mill-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, għal meta se naraw aktar nisa f’setturi bħall-mediċina, il-films, l-edukazzjoni u t-teknoloġija.
Kuntest
Il-Parlament Ewropew qed jitfa’ dawl fuq l-isfidi li qed jiffaċċjaw id-drittijiet tan-nisa u l-proċessi demokratiċi fix-xenarju diġitali tal-lum hekk kif fakkar il-Jum Internazzjonali tan-Nisa ta’ din is-sena b’laqgħa interparlamentari fi Brussell imsejħa mill-FEMM, il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa tal-PE, bl-involviment ta’ Membri Parlamentari mill-Istati Membri kollha inkluż Malta, nhar il-Ħamis.
Ilbieraħ il-Kummissjoni Ewropea nediet l-istrateġija l-ġdida tagħha tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni f'Novembru 2025 bil-kontribut tiegħu għall-istrateġija.
Il-ġimgħa d-dieħla fil-plenarja, il-Membri tal-PE se jirrevedu l-progress fl-indirizzar tad-differenzi fil-pagi u l-pensjonijiet bejn is-sessi fl-UE. Ir-rapport fuq inizjattiva proprja, li se jitressaq għal vot fil-plenarja nhar l-Erbgħa, jenfasizza l-fatt li n-nisa jkomplu jwettqu sehem sproporzjonat ta' xogħol ta' kura u domestiku mhux imħallas. Dan imbagħad inaqqas il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u l-akkumulazzjoni tal-pensjonijiet, u huwa waħda mir-raġunijiet ewlenin għad-differenzi fil-pagi u l-pensjonijiet bejn is-sessi.

