EU Unlocked: Għarfien għall-imprendituri dwar il-liġijiet tal-UE, l-innovazzjoni u t-tkabbir tan-negozju

L-Uffiċċju tal-PE f’Malta, b'kollaborazzjoni mal-FPEI, għadu kemm temm il-kors EU Unlocked, li sar fuq tliet sessjonijiet u li kien imfassal biex jgħin lill-intraprendituri jifhmu aħjar l-ambjent tan-negozju Ewropew u l-opportunitajiet disponibbli fil-livell tal-UE.

image-from-the-document-manager

L-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għall-Promozzjoni ta’ Inizjattivi Intraprenditorjali, ikkonkluda b’suċċess EU Unlocked – Liġi, Teknoloġija u Tkabbir għall-Intraprendituri. Dan il-kors immirat ta’ tliet sessjonijiet kien imfassal speċifikament biex jiċċara l-ambjent tan-negozju Ewropew, billi jipprovdi lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u lill-intraprendituri bl-għarfien prattiku meħtieġ biex jinnavigaw u jisfruttaw opportunitajiet fil-livell tal-UE.

Il-proċess leġiżlattiv u l-għajnuniet mill-UE

L-inizjattiva ġabret flimkien madwar 25 parteċipant u offritilhom ħarsa ġenerali lejn il-leġiżlazzjoni Ewropea. Rajna kif in-negozji jistgħu jinvolvu ruħhom b'mod attiv fil-proċessi tat-tfassil tal-politika. Meta jifhem dawn il-mekkaniżmi, l-imprenditur lokali jkun f'pożizzjoni aħjar li jadatta għall-kuntest regolatorju li qed jevolvi filwaqt li jikkapitalizza minn strutturi ta' appoġġ tal-UE maħsuba għal tkabbir fit-tul. Is-sessjoni introduttorja tat ħarsa lejn kif inhi strutturata u kif taħdem l-UE.

L-MEP Peter Agius laqa’ lill-parteċipanti b’diskors virtwali, fejn irringrazzjahom għall-impenn tagħhom lejn il-programm u enfasizza l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn biex jitnaqqas id-distakk bejn in-negozji lokali u l-politika tal-UE.

Stefano Mallia, Viċi President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), ipprovda kuntest istituzzjonali siewi, fejn enfasizza għaliex l-involviment proattiv mal-istituzzjonijiet Ewropej huwa vitali għall-kompetittività tan-negozji.

Elaine Cordina mill-Uffiċċju tal-PE fetħet il-kors billi spjegat il-proċeduri leġiżlattivi, in-negozjati involuti, u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li fuqhom hija bbażata l-liġi Ewropea.

Mark Muscat u Andrea Camilleri esploraw id-diversi mekkaniżmi ta’ finanzjament u appoġġ disponibbli għan-negozji permezz tal-Unjoni Ewropea.

Il-qafas legali u t-tassazzjoni

Il-kors kompla b’enfasi fuq l-istrutturi legali u fiskali speċifikament dawk li jolqtu l-intrapriżi innovattivi fis-suq uniku. It-tieni sessjoni indirizzat kunċetti regolatorji avvanzati, b’għarfien minn esperti legali:

Dr Vanessa da Costa Palmer tat preżentazzjoni dwar il-proposta tat-28 Reġim, fejn eżaminat kif dan il-qafas legali ġdid jista’ jissimplifika l-operat għal kumpaniji innovattivi.

Dr Vitorine Bajada għamlet analiżi dettaljata tal-kwistjonijiet marbuta mat-tassazzjoni u l-liċenzjar, filwaqt li offriet lill-parteċipanti gwida prattika dwar il-konformità u l-ippjanar strateġiku.

It-trasformazzjoni diġitali u s-stwazzjoni ġeopolitika

L-aħħar sessjoni ħarset lejn l-isfidi marbuta mal-avvanzi teknoloġiċi u l-volatilità ekonomika globali, li t-tnejn jinfluwenzaw ħafna x-xenarju modern tal-SMEs.

Dr Claire Cassar mexxiet diskussjoni dwar id-diġitalizzazzjoni u r-rwol dejjem jikber tal-AI, filwaqt li ddeskriviet il-benefiċċji għall-operat kif ukoll ir-responsabbiltajiet regolatorji rilevanti għall-SMEs.

Silvan Mifsud ikkonkluda l-programm b'analiżi tal-iżviluppi ġeopolitiċi attwali u t-tensjonijiet internazzjonali, filwaqt li wera eżempji tal-effetti diretti tagħhom fuq l-ambjent kummerċjali usa'.

Il-kors prova jqarreb id-distakk bejn it-tfassil tal-politika istituzzjonali u l-applikazzjoni fil-prattika fil-kummerċ. EU Unlocked provda għarfien biex wieħed ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet strateġiċi infurmati, titrawwem l-innovazzjoni, u titjieb il-kompetittività fis-suq uniku Ewropew.

image-from-the-document-manager-1