Vjaġġi Kulturali Ewropej: Il-Palazz tal-Gran Mastru
Nhar is-Sibt 28 ta’ Ġunju, l-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta, flimkien ma’ Heritage Malta, organizza Vjaġġ tal-Wirt Kulturali Ewropew ieħor ta’ suċċess, li din id-darba seħħ fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, li ġie rinnovat riċentament.
Nhar is-Sibt 28 ta’ Ġunju, l-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta, flimkien ma’ Heritage Malta, organizza Vjaġġ tal-Wirt Kulturali Ewropew ieħor ta’ suċċess, li din id-darba seħħ fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, li ġie rinnovat riċentament.
L-għan ta’ dawn il-vjaġġi huwa li titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku tal-mod kif qed jintużaw il-fondi Ewropej biex jiġu restawrati siti ta’ wirt nazzjonali, apparti li dawn jiġu applikati għal prijoritajiet nazzjonali oħra. Għal dan l-għan, żewġ periti mit-tim ta’ Heritage Malta li ħadmu fuq ir-restawr ta’ dan il-Palazz, il-Perit Katya Maniscalco u l-Perit Veronica Micallef, iggwidaw żewġ vjaġġi simultanji bil-Malti u bl-Ingliż, rispettivament, b’enfasi speċifika fuq ix-xogħlijiet ta’ restawr li saru.
Dr Mario Sammut, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, enfasizza l-importanza ta’ dawn iż-żjarat, b’mod partikolari fil-kuntest tal-partikolaritajiet ta’ din is-sena, billi ngħata bidu għan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP). Is-Sa Elaine Cordina, l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Uffiċċju, tat spjegazzjoni qasira tal-baġit fit-tul tal-UE (il-QFP), il-prijoritajiet tiegħu, minn fejn jiġu l-kontribuzzjonijiet, u kif dan il-baġit imbagħad fil-maġġorparti tiegħu jingħata lura lill-Istati Membri bħala fondi u għotjiet li jikkontribwixxu għal proġetti bħal dak tal-Palazz tal-Gran Mastru nnifsu.
Parti interessanti mir-rinnovazzjoni hija l-ftuħ ta’ disat ikmamar storiċi fi ħdan il-kwartieri li kien juża l-Gran Mastru fis-sajf. Dawn jinkludu s-salott, l-istudju, il-kamra tas-sodda, il-kappella u aktar. Kull kamra ġiet restawrata bi ħsieb - ingħatat ħajja ġdida lis-soqfa tal-injam, l-affreski, it-tessuti tad-damask, il-granit u ċ-ċangaturi. Ħafna mill-kmamar jinkludu għamara u artefatti li ġejjin mis-sekli 16 sat-18. Aspett ieħor tal-vjaġġ iggwidat li kien ta’ interess kbir għal dawk li attendew kien ir-restawr tal-Armerija fil-post oriġinali tagħha, dak li qabel kien il-Parlament Malti. F’din l-Armerija tinsab waħda mill-ifjen kollezzjonijiet fid-dinja ta’ armi u korazzi.
Total ta’ €18,000,000 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali kien dedikat għal dan il-proġett, li beda fl-2016 u tlesta fl-2023. Il-Palazz ma jirrakkuntax biss l-istorja ta’ Malta, imma jistiednek biex tesperjenzaha.