Reklutaġġ ġust u trasparenti huwa essenzjali għal servizz ċivili Ewropew ta’ kwalità għolja u inklussiv - il-MPE Peter Agius

Diskussjoni pubblika mal-MPE Peter Agius bl-isem "Take a Seat"

MEP Peter Agius and moderator sitting at the event

L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta llum ospita lill-MPE Peter Agius għal diskussjoni pubblika bit-titlu “Impjiegi u Opportunitajiet fl-UE.”

Huwa u jindirizza lill-parteċipanti, il-MPE Peter Agius enfasizza l-importanza ta’ sistema ta’ reklutaġġ kredibbli u inklussiva: “L-EPSO hija entità importanti għall-UE biex tiżgura reklutaġġ oġġettiv permezz ta’ kompetizzjonijiet miftuħa. L-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jiddependu fuq servizz ċivili Ewropew ta’ livell għoli li jkun inklussiv u li jagħti ċans ġust lil kulħadd.”

Huwa saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li l-UE tkompli tinvesti fl-EPSO u fi skemi oħra li joffru esperjenza imprezzabbli liż-żgħażagħ Ewropej bħal Erasmus+, il-programm DiscoverEU, u ħafna inizjattivi oħra indirizzati lejn iż-żgħażagħ. Dawn għandhom jibqgħu jkunu ffinanzjati sew fil-baġit fit-tul li jmiss tal-UE, li se jkun qed jieħu l-forma matul is-sena d-dieħla, qal Agius.

Il-laqgħa ta' diskussjoni serviet ukoll ta' opportunità għaż-żgħażagħ, l-istudenti, u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex isiru jafu aktar dwar il-karrieri fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, u biex jiksbu għarfien dwar il-ħiliet, it-taħriġ, u t-tħejjija meħtieġa biex jirnexxu fil-kompetizzjonijiet ta’ reklutaġġ tal-UE. Agius tkellem dwar l-importanza tal-esperjenzi ta’ traineeship mal-istituzzjonijiet tal-UE u appella liż-żgħażagħ interessati biex ikunu proattivi u juru l-interess tagħhom f’opportunitajiet simili.

Id-diskussjoni tas-Sibt saret ftit jiem wara l-adozzjoni mill-PE tar-Riżoluzzjoni dwar il-ġestjoni ħażina organizzattiva tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) adottata mill-Parlament Ewropew matul l-aħħar Sessjoni Plenarja tiegħu fis-27 ta’ Novembru 2025. Ir-riżoluzzjoni titlob riforma tal-proċeduri ta’ reklutaġġ tal-UE u tal-operat tal-EPSO, inkluż titjib fit-trasparenza, il-proċessi, u l-bilanċ ġeografiku fl-għażla tal-membri tal-istaff.

Il-MPE Agius serva bħala Shadow Rapporteur għall-Partit Popolari Ewropew (PPE) fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet (PETI), il-kumitat responsabbli mill-mozzjoni li wasslet għar-riżoluzzjoni. Preċedentement, il-Kumitat PETI kien eżamina petizzjoni li lmentat min-nuqqasijiet organizzattivi u tekniċi ripetuti fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO matul l-aħħar sentejn, u li wasslu għal sejħiet għal azzjoni korrettiva biex jiġu ssalvagwardjati l-ġustizzja, il-kwalità, u l-aċċessibbiltà għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

Il-laqgħa ta' diskussjoni kienet parti mis-sensiela kontinwa tal-Uffiċċju li tlaqqa’ flimkien il-Membri Maltin tal-Parlament Ewropew ma' partijiet interessati, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u l-pubbliku inġenerali biex jiddiskutu kwistjonijiet ewlenin u jenfasizzaw l-impatt dirett tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew fuq Malta.

L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta se jkompli jorganizza avvenimenti miftuħa mal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin biex jippromwovi djalogu dirett dwar il-politika tal-UE u r-rilevanza tal-ħidma tal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini Maltin.