Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Ewropa f’Għawdex
Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Ewropa dalwaqt magħna! Jum l-Ewropa, iċċelebrat kull sena fid-9 ta’ Mejju, jimmarka l-anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman, viżjoni għall-paċi u l-unità fl-Ewropa wara l-gwerra

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Ewropa dalwaqt magħna! Jum l-Ewropa, iċċelebrat kull sena fid-9 ta’ Mejju, jimmarka l-anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman, viżjoni għall-paċi u l-unità fl-Ewropa wara l-gwerra.
L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta huwa ħerqan biex jiċċelebra dan il-jum speċjali b’sensiela ta’ attivitajiet li jippromwovu s-sentiment u l-valuri Ewropej fost il-Maltin. L-ewwel attività se ssir dan il-weekend, is-Sibt 3 ta’ Mejju, f’Villa Rundle, ir-Rabat.
L-attività tibda fl-10am u hija organizzata minn Europe Direct Gozo. Fl-avveniment se jkun hemm persuni li jagħtu informazzjoni dwar l-UE, u jaqsmu mal-pubbliku tagħrif dwar ir-rwoli tagħhom u s-servizzi li joffru. Se tkun opportunità tajba biex il-pubbliku jsir jaf dwar xogħolhom u għaliex dan huwa importanti għall-Ewropa.
Se jkun hemm ukoll preżentazzjonijiet dwar għadd ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE li għaddejjin bħalissa, li se jgħinuna nsiru nafu aktar dwar kif l-UE qed tgħin lil Malta timxi ’l quddiem fis-setturi kollha. Wara, il-Visual and Performing Arts School f’Għawdex se ttella’ prestazzjoni għall-pubbliku. Permezz ta’ reċtar, żfin, arti viżwali u mużika, f’din il-prestazzjoni se jispikka t-talent tal-Għawdxin.
Dan l-avveniment qed jittella’ b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat għall-Patrimonju Kulturali, bħala parti mill-attivitajiet tal-Gozo Spring Fair.
Ħerqanin biex narawkom nhar is-Sibt li ġej!