L-identifikazzjoni tad-diżinformazzjoni hija essenzjali għad-demokrazija
Il-ħiliet kruċjali meħtieġa kienu diskussi f'konferenza fl-Università ta' Malta
24-6-26: Qed ngħixu f’ekonomija tal-attenzjoni li mhux biss hija kompetittiva ħafna, iżda li tista' tintuża wkoll bħala arma u hekk kif il-forum għad-dibattitu pubbliku mexa lejn il-pjattaformi tal-midja soċjali misjuqa mill-profitt, iċ-ċiklu sar wieħed vizzjuż. Sabiex jinkiser jeħtieġ ikun hawn aktar edukazzjoni u għarfien dwar il-midja, kif ukoll regolamentazzjoni bilanċjata. Dan kien il-qofol tad-diskussjoni waqt konferenza dwar l-Identifikazzjoni tad-Diżinformazzjoni organizzata mill-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni 3CL, l-Università ta’ Malta, u l-MCAST.

Matul din il-konferenza, Membri Parlamentari Ewropej, esperti tal-midja, ġurnalisti, akkademiċi u studenti ddiskutew l-impatt insidjuż u anke ta’ ħsara tad-diżinformazzjoni fuq is-soċjetà, id-demokrazija u l-individwi.
Il-konferenza pprovdiet lill-parteċipanti kemm b’għarfien teoretiku kif ukoll b’għodod prattiċi biex jifhmu u jirrispondu aħjar għad-diżinformazzjoni fil-kuntest Malti u Ewropew. Eżaminat kif topera d-diżinformazzjoni, għaliex toħloq theddida għas-soċjetajiet demokratiċi u kif l-Unjoni Ewropea qed taħdem biex tindirizzaha permezz ta’ inizjattivi leġiżlattivi u ta’ politika.
Il-kelliema matul is-sessjonijiet ta’ filgħodu enfasizzaw kif id-diżinformazzjoni tiġi mfassla apposta biex tinfluwenza l-opinjoni pubblika billi tisfrutta r-reazzjonijiet emozzjonali, il-preġudizzji konjittivi u l-mekkaniżmi ta’ amplifikazzjoni diġitali. Il-parteċipanti eżaminaw it-tattiċi komuni użati f’kontenut qarrieqi, inkluż tfassil selettiv, manipulazzjoni tal-viżwali, u t-tixrid ta’ narrattivi foloz permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali.
L-esperti enfasizzaw ukoll l-importanza dejjem tikber tal-litteriżmu tal-midja u l-ħsieb kritiku, partikolarment fil-kuntest tal-elezzjonijiet u d-dibattitu pubbliku, kif ukoll l-etika u l-manipulazzjoni tal-emozzjonijiet li tinvolvi d-diżinformazzjoni.
Il-Membri Parlamentari Ewropej Alex Agius Saliba u Peter Agius ikkonkludew il-konferenza b’diskussjoni dwar il-ħidma tal-Parlament Ewropew f’dan il-qasam inkluż il-liġi dwar is-servizzi diġitali (DSA) u r-reviżjoni li ġejja tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali li fih il-Parlament Ewropew irid jinkludi projbizzjoni fuq l-apps nudifikaturi.
“Bħala leġiżlaturi Ewropej, nistabbilixxu regoli ċari għall-pjattaformi tal-Big Tech biex iwaqqfu t-tixrid tad-diżinformazzjoni, iżda fi żminijiet ta’ tensjoni Transatlantika, l-infurzar tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali qed jitwaqqaf. Irridu nkunu serji dwar ir-regoli tagħna, għaliex dawk li jridu jipprovdu servizzi fl-UE jeħtieġ li jirrispettaw u jipproteġu d-demokrazija tagħna,” qal il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba.
“Irridu niġġieldu l-informazzjoni żbaljata l-ewwel u qabel kollox fuq il-post f’Malta. Fil-livell Ewropew, qed naħdmu fuq miżuri konkreti biex intejbu t-trasparenza u r-responsabbiltà fl-ispazju diġitali. Iżda l-għarfien u l-edukazzjoni lokalment jibqgħu kruċjali – inizjattivi bħal din għandhom rwol importanti fl-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini. Mill-perspettiva istituzzjonali, irridu niżguraw ukoll il-kapaċità li ninfurzaw ir-regoli li nagħmlu,” qal il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius.
L-avveniment enfasizza li biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni jinħtieġ sforz kollettiv li jinvolvi l-istituzzjonijiet, il-midja, l-edukaturi u ċ-ċittadini. F'dan is-sens, il-konferenza pprovdiet għarfien espert kif ukoll għodod prattiċi biex wieħed ikollu l-ħiliet meħtieġa fl-ambjent kumpless tal-informazzjoni tal-lum.
“F’dinja li qed issir dejjem aktar interkonnessa, fejn l-informazzjoni tinfirex malajr u b'mod abbundanti, huwa diffiċli tassorbi, huwa faċli li tkun infurmat ħażin, diżinformat u saħansitra mmanipulat minn dak li naraw u naqraw - u huwa għalhekk li l-Parlament Ewropew qed jaġixxi permezz ta’ leġiżlazzjoni aktar b’saħħitha, trasparenza akbar għall-pjattaformi online, u sostenn għal-litteriżmu tal-midja u l-verifika tal-fatti biex jgħin liċ-ċittadini jerġgħu jiksbu kontroll fuq l-informazzjoni li jikkunsmaw,” qal Dr Mario Sammut, Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, b’kuntest għad-diskussjoni f'kuntest.
Il-konferenza kienet immoderata mill-Prof. Alex Grech u l-Prof Godfrey Baldacchino tal-fondazzjoni 3CL, li l-Uffiċċju tal-PE f’Malta issieħeb magħha fl-organizzazzjoni ta' din il-konferenza.
Sfond:
Ewrobarometru recenti tal-Parlament Ewropew juri li 78% tar-rispondenti Maltin jgħidu li qed ikunu dejjem aktar imħassba dwar id-diżinformazzjoni, u 79% huma inkwetati dwar kontenut falz maħluq mill-Intelliġenza Artifiċjali, bħal vidjows b'deepfakes jew informazzjoni falza. L-istess stħarriġ juri li 76% huma inkwetati dwar diskors ta’ mibegħda, u l-istess ammont huma inkwetati dwar il-protezzjoni tad-dejta personali tagħhom.
Il-pjattaformi tal-midja soċjali saru is-sors ewlieni ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet politiċi u soċjali. Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru Flash dwar l-użu tal-midja soċjali, fl-2025, 65% tar-rispondenti ta’ bejn il-15 u l-24 sena qalu li l-midja soċjali kienet is-sors ta’ informazzjoni ewlieni tagħhom. F’Malta l-midja soċjali hija s-sors ewlieni għal 77% taż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena, u saħansitra għal 80% fost persuni ta’ bejn il-25 u d-39 sena.
Biż-żieda fl-intelliġenza artifiċjali ġenerattiva li tippermetti l-produzzjoni ta’ testi foloz u deepfakes li qed isir dejjem aktar diffiċli jintgħarfu mill-kontenut reali, id-diżinformazzjoni online tidher li se tkompli tiżdied.
- L-UE qed taġixxi f'dan ir-rigward fuq numru ta' fronti, inkluż:
- It- tisħiħ tar-reżiljenza tad-demokraziji tagħna permzz tal-promozzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti, tal-protezzjoni tad-dibattitu pubbliku, u l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni u l-indħil tal-informazzjoni barranija permezz tat-Tarka Ewropea tad-Demokrazija;
- Iktar responsabbiltà tal-pjattaformi online fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni u l-indħil barrani fuq l-informazzjoni, bis-saħħa tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, il-Kodiċi ta' Kondotta dwar id-Diżinformazzjoni, l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA), u r-Regolament dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku;
- Il-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-pluraliżmu tal-midja permezz tal-Att dwar il-Libertà tal-Midja u leġiżlazzjoni li tipproteġi lill-ġurnalisti minn kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (anti-SLAPP);
- Tgħin liċ-ċittadini jinnavigaw l-ambjent modern tal-aħbarijiet, tqajjem kuxjenza dwar it-tattiċi ta' manipulazzjoni u interferenza tal-informazzjoni barranija, tipprovdi gwida biex tiġġieled din it-theddida permezz tal-edukazzjoni u s-sostenn għal proġetti li jikkontribwixxu għall-isforz tas-soċjetà kollha biex tiġġieled il-manipulazzjoni u l-indħil tal-informazzjoni barranija, u ssaħħaħ il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja.
Il-Parlament Ewropew qed jaħdem b'mod attiv fuq għadd ta' fronti, leġiżlattivi u informattivi, kif ukoll permezz ta' avvenimenti bħal din il-Konferenza dwar l-Identifikazzjoni tad-Diżinformazzjoni li saret hawn Malta, sabiex jagħti liċ-ċittadini l-għodod biex jipproteġu lilhom infushom u lil ħaddieħor kontra d-diżinformazzjoni.
Għal aktar informazzjoni, ara:
Il-kumpass tal-verifika tal-fatti
Id-diżinformazzjoni: 10 pariri biex ma taqax għaliha
Id-diżinformazzjoni u x'qed jagħmel il-Parlament Ewropew dwarha