Il-MPE jiddiskutu l-opportunitajiet fl-UE mal-istudenti tal-Junior College

Opportunità għall-istudenti sabiex jinteraġixxu direttament mar-rappreżentanti eletti tagħhom, jistaqsu l-mistoqsijiet u jaqsmu l-fehmiet tagħhom

MEPs in discussion with JC students

Il-Membri tal-Parlament Ewropew Maltin Peter Agius u Thomas Bajada ltaqgħu mal-istudenti u ż-żgħażagħ sabiex jispjegaw x’inhu r-rwol tagħhom, u jiddiskutu l-opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea għaż-żgħażagħ matul diskussjoni miftuħa li saret f’G.F. Abela Junior College fit-30 ta’ Ottubru.

L-avveniment kien organizzat mill-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ. Kien ta’ opportunità għall-parteċipanti li jinteraġixxu direttament mar-rappreżentanti eletti tagħhom, jistaqsu l-mistoqsijiet, jaqsmu l-fehmiet u t-tħassib tagħhom, kif ukoll jistaqsu dwar ir-rwol tal-UE u l-impatt tagħha f’ħajjithom.  

L-avveniment beda b’messaġġ tal-President tal-PE Roberta Metsola permezz ta’ filmat, li fih irreferiet għall-esperjenza tagħha stess bħala studenta attiva, u ħeġġet liż-żgħażagħ biex jieħdu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Id-diskussjoni ffukat fuq il-programmi ta’ mobbiltà bħall-Erasmus+, l-opportunitajiet ta’ xogħol u taħriġ għaż-żgħażagħ madwar l-UE, u l-vantaġġi ekonomiċi u soċjali tas-suq uniku Ewropew. Iż-żewġ MPE enfasizzaw l-importanza tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-tiswir tal-politiki Ewropej, u ħeġġew liż-żgħażagħ jiggwadanjaw kemm jistgħu mill-programmi tal-UE li jappoġġjaw l-istudju, ix-xogħol u l-esperjenzi ta’ volontarjat barra minn Malta.

“Iż-żgħażagħ huma fost l-aqwa benefiċjarji ta’ dak li toffri l-UE - mill-edukazzjoni u l-programmi ta’ taħriġ sal-opportunitajiet maħluqa mis-suq uniku,” qal il-MPE Peter Agius. “Iżda huma wkoll kontributuri ewlenin għas-suċċess tal-Ewropa. Meta nisimgħu l-ideat tagħhom, dan jgħinna nagħmlu politiki li tassew jirriflettu t-tamiet tagħhom għall-futur.”
Il-MPE Thomas Bajada enfasizza l-valur ta’ involviment dirett bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini żgħażagħ: “Avvenimenti bħal dawn ifakkruna li l-proġett Ewropew irid ikompli jipprovdi għan-nies - speċjalment billi jisma’ lill-ġenerazzjoni żagħżugħa. Il-programmi u l-libertajiet tal-UE jistgħu jaħdmu biss jekk iż-żgħażagħ iħossuhom imħeġġin li jieħdu sehem u jsawru d-direzzjoni tal-Ewropa.”

L-avveniment immarka wkoll il-35 anniversarju ta’ Eurodesk, in-network ta’ informazzjoni tal-UE, ospitat f’Malta mill-Aġenzija Żgħażagħ, li jipprovdi gwida u pariri liż-żgħażagħ dwar opportunitajiet fl-Ewropa.

“Avvenimenti bħal din jgħinu sabiex iqarrbu lill-Parlament Ewropew lejn iż-żgħażagħ u juruhom li l-vuċi tagħhom tagħmel differenza,” qal Dr Mario Sammut, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta. “Li jisimgħu direttament mingħand il-MPE jgħin lill-istudenti jifhmu kif id-deċiżjonijiet tal-UE għandhom impatt fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum u l-opportunitajiet għall-ġejjieni tagħhom.”

Aktar minn 80 student u żagħżugħ ħadu sehem fis-sessjoni interattiva, u interaġixxew b’mod attiv b’mistoqsijiet dwar ir-rwol ta’ Malta fl-UE, u kif l-Ewropa tista’ tappoġġja aktar l-ambizzjonijiet taż-żgħażagħ. Il-kwistjonijiet topiċi ta’ interess partikolari għaż-żgħażagħ inkludew ir-regolamentazzjoni tal-media diġitali u l-IA, il-migrazzjoni, u l-ambjent.

 

Il-President Metsola b'messaġġ lill-istudenti tal-JC