Studenti Maltin jispikkaw fl-EPAS Together Madrid 2026

Għadd ta’ studenti minn Malta, Ċipru u Spanja ltaqgħu f’Madrid din il-ġimgħa għall-EPAS Together Madrid 2026, inizjattiva dinamika tal-Parlament Ewropew li tiċċelebra s-sehem taż-żgħażagħ, l-impenn demokratiku u l-futur tal-Ewropa.

image-from-the-document-manager

Delegazzjoni Maltija ta’ 30 student u sitt edukaturi ngħaqdet ma’ 102 studenti u 23 għalliem minn madwar it-tliet Stati Membri tal-UE għal tlett ijiem ta’ attivitajiet bejn il-15 u t-18 ta’ April fil-kapitali Spanjola.

L-iskejjel Maltin li ħadu sehem kienu De La Salle Sixth Form, Giovanni Curmi Higher Secondary, St Martin’s College, Sir M.A. Refalo Sixth Form u l-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport tal-MCAST.

“Il-Programm EPAS huwa wieħed mill-aktar inizjattivi ta’ suċċess tal-Parlament Ewropew, u l-EPAS Together tieħu dan il-programm għal-livell li jmiss,” qal Dr Mario Sammut, Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta. “Dawn l-avvenimenti jgħinu liż-żgħażagħ isiru ċittadini Ewropej attivi u jsaħħu l-impenn tagħhom fid-demokrazija.”

Huwa żied jgħid li din kienet it-tielet parteċipazzjoni b'suċċess tal-Uffiċċju tal-PE f’Malta f'avveniment tal-EPAS Together fl-aħħar erba' snin fejn l-istudenti u l-edukaturi Maltin ingħataw opportunità memorabbli oħra biex jesperjenzaw il-proġett Ewropew flimkien ma' oħrajn minn Stati Membri oħra.

Bil-motto "Nibnu l-futur flimkien", il-programm ta' din is-sena kien idur ma’ simulazzjoni ta' Mudell tal-Parlament Ewropew, fejn l-istudenti daħlu fir-rwol ta' Membri tal-Parlament Ewropew. Huma ħadmu fi gruppi politiċi fittizji, iddiskutew, innegozjaw u vvutaw fuq proposti li jindirizzaw sfidi Ewropej ewlenin, inkluż il-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar, l-intelliġenza artifiċjali u l-vetturi awtonomi, u l-aċċess għall-akkomodazzjoni.

Matul l-avveniment, l-istudenti ħadu sehem ukoll f'sessjonijiet interessanti ffukati fuq kif jaħdmu l-istituzzjonijiet Ewropej, il-ħiliet ta' komunikazzjoni, il-ħsieb kritiku u l-ħidma f'tim.

Il-programm kien jinkludi masterclass dwar id-diżinformazzjoni, laqgħat ma' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ Ewropej, u attivitajiet interattivi ta' teambuilding, inkluż kaċċa għat-teżor fiċ-ċentru storiku ta' Madrid, Madrid de los Austrias.

Il-parteċipanti żaru wkoll Legends: The Home of Football, fejn ingħataw taħriġ speċjali organizzat b'kollaborazzjoni ma' La Liga.

L-avveniment laħaq il-qofol tiegħu nhar il-Ġimgħa, 17 ta' April, meta l-istudenti nġabru fil-Parlament Spanjol (Congreso de los Diputados) għas-sessjoni plenarja finali tal-mudell parlamentari.

Is-sessjoni nfetħet minn Alberto Fabra, President tal-Kumitat Konġunt tal-Parlament Spanjol għall-Unjoni Ewropea, u inkludiet skambji animati mal-Membri tal-Parlament Ewropew Thomas Bajada (S&D, Malta), Borja Giménez Larraz (PPE, Spanja), Juan Fernando López Aguilar (S&D, Spanja) u Mireia Borrás (PfE, Spanja).

Lil hinn mill-programm formali, EPAS Together iċċelebra wkoll id-diversità kulturali permezz ta' Lejliet Interkulturali, fejn kull delegazzjoni qasmet bi kburija tradizzjonijiet, mużika u drawwiet minn pajjiżha jew mir-reġjun tagħha.

Id-delegazzjoni Maltija impressjonat lill-parteċipanti bi preżentazzjoni ta' Malta u Għawdex iffilmjata bi drone, b’kummentarju dirett mill-istudenti li enfasizzaw l-istorja u l-identità tal-gżejjer.

Il-lejla kien fiha wkoll żfin, kant u verżjoni memorabbli tal-kanzunetta ikonika ‘Inti Djamant’ mill-istudenta Għawdxija Hailey Joy Axiak Demicoli.

Permezz ta’ inizjattivi bħall-EPAS Together, il-Parlament Ewropew ikompli jinvesti f’ġenerazzjoni ġdida ta’ żgħażagħ Ewropej infurmati, kunfidenti u involuti, lesti li jgħinu fil-formazzjoni tal-futur tal-Ewropa.