Il-Patt tal-UE dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni jidħol fis-seħħ

Il-Patt tal-UE dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni jidħol fis-seħħ Il-MPE Maltin jgħidu li l-Patt se jgħin lil Malta; is-suċċess jiddependi fuq it-twettiq tiegħu

Lead MEPs Birgit Sippel and Tomas Tobé addressing the press on Wednesday before the entry into application of the new EU Migration rules today. Credit: European Parliament, 2026.

Regoli ġodda tal-UE dwar il-migrazzjoni jsiru applikabbli llum, wara li kienu ġew adottati mill-UE tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil lura fl-2024.

Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jistabbilixxi qafas ġdid għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ażil fl-UE, inklużi regoli dwar l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, il-proċeduri tal-ażil, ir-responsabbiltà u s-solidarjetà bejn l-istati membri, u sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

“Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil huwa t-tweġiba tal-UE għal sfida ta’ sigurtà li ilha teżisti u li se tagħti lil Malta l-għajnuna li ilna nitolbu għal snin sħaħ,” qal il-MPE David Casa, Kap tad-delegazzjoni Maltija għall-grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew. “Filwaqt li mhux soluzzjoni mirakoluża għal kwistjoni kumplessa, huwa mod effettiv u ġust biex tittejjeb is-sistema tal-ażil fl-Ewropa u biex il-fruntieri tagħna jkunu aktar sikuri”.

“Id-dħul fis-seħħ tal-Patt huwa pass sinifikanti lejn sistema ta’ migrazzjoni tal-UE aktar strutturata, prevedibbli u ġusta,” qal il-MPE Alex Agius Saliba, Kap tad-delegazzjoni Maltija għall-grupp S&D fil-Parlament Ewropew. “Għal Malta, dan joffri aktar ċarezza, mekkaniżmi ta’ solidarjetà msaħħa, u rikonoxximent tar-realtajiet li jiffaċċjaw l-Istati Membri tal-ewwel art. Madankollu, is-suċċess tiegħu jiddependi fuq twettiq kredibbli, partikolarment fuq ir-ritorni u dimensjoni esterna aktar b’saħħitha, jekk irridu naslu għal tnaqqis tanġibbli u sostenibbli fil-migrazzjoni irregolari”.  

Il-Patt jikkonsisti f’10 testi leġiżlattivi adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill f’Ġunju 2024 bħala pakkett komprensiv ta’ riforma tar-regoli dwar il-migrazzjoni u l-ażil, b’sentejn żmien għall-applikazzjoni tiegħu fl-Istati Membri. Disgħa minn dawn il-leġiżlazzjonijiet il-ġodda huma Regolamenti, li huma direttament applikabbli fl-Istati Membri, u waħda hija Direttiva li teħtieġ traspożizzjoni fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew adotta fi Frar ta’ din is-sena regolamenti dwar il-kunċett ta’ pajjiż terz sikur u l-lista ta’ pajjiżi ta’ oriġini sikuri.

Ix-xogħol leġiżlattiv se jkompli l-ġimgħa d-dieħla fi Strasburgu fejn il-plenarja tal-Parlament Ewropew se tiddibatti nhar it-Tlieta u tivvota nhar l-Erbgħa dwar il-ftehim li ntlaħaq il-ġimgħa li għaddiet bejn in-negozjaturi tal-Parlament u tal-Kunsill dwar bidliet fil-politika tal-UE dwar ir-ritorn ta’ ċittadini mhux tal-UE li jkunu qed joqogħdu illegalment fl-UE.

Minbarra l-funzjoni leġiżlattiva tiegħu, il-PE qiegħed ukoll jiskrutinizza l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda permezz tal-Grupp ta’ Ħidma tiegħu dwar l-Ażil-Implimentazzjoni tal-Patt/CEAS, iffurmat minn MEPs tal-gruppi politiċi kollha tal-PE, u se jkompli jagħmel dan wara d-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda f’Ġunju u Lulju ta’ din is-sena, qalu l-MEPs ewlenin li indirizzaw aġġornament għall-Istampa fi Brussell qabel id-dħul fis-seħħ tal-Patt.

L-immigrazzjoni tibqa’ tħassib ewlieni għaċ-ċittadini Maltin, b’29% tar-rispondenti Maltin fl-Ewrobarometru tar-Rebbiegħa li sar f’Marzu/April 2026 li jqiegħduha bħala t-tieni mit-tnejn tħassib ewlenin li qed jiffaċċja l-pajjiż, wara ż-żieda fil-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja (41%).

 

Ir-regoli tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil fil-qosor

Applikabbli mit-12 ta’ Ġunju 2026:

Ir-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil (2024/1348) jintroduċi proċedura komuni ġdida madwar l-UE biex tingħata u tiġi rtirata l-protezzjoni internazzjonali, u jissostitwixxi d-direttiva preċedenti u l-proċeduri nazzjonali. Proċeduri ta' eżami aċċellerati għandhom jiġu konklużi mill-awtorità determinanti fi żmien tliet xhur mid-data li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, u fi żmien sitt xhur, li jistgħu jiġġeddu, għal applikazzjonijiet eżaminati fuq il-mertu tagħhom stess. Proċeduri ta' ażil fuq il-fruntiera aktar mgħaġġla - li jistgħu jdumu sa 12-il ġimgħa - jistgħu jsiru fuq jew viċin il-fruntiera esterna tal-UE jew f’żoni ta' tranżitu. L-MEPs żguraw li minorenni mhux akkumpanjati ma jkunux soġġetti għal proċeduri fuq il-fruntiera, sakemm ma jippreżentawx riskju għas-sigurtà, kisbu garanziji li l-familji bit-tfal ma jkunux prijorità biex jidħlu fil-proċedura fuq il-fruntiera, u għandhom jiġu offruti wkoll kundizzjonijiet ta' akkoljenza xierqa. Aktar hawn.

Rapporteur tal-PE: Fabienne KELLER (Franza, Renew)

Ir-Regolament dwar l-Iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni (2024/1356) jintroduċi skrinjar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'verifiki fuq il-fruntieri esterni tal-UE u fit-territorju tal-UE għal persuni li jidħlu fl-UE b'mod irregolari. Il-verifiki jinkludu l-identifikazzjoni, il-ġbir ta' data bijometrika, u valutazzjoni preliminari tas-saħħa u l-vulnerabbiltà, kif ukoll verifiki tas-sigurtà, billi jiġu aċċessati databases rilevanti. Skont dan ir-regolament, għandhom jitqiesu il-bżonnijiet speċifiċi tat-tfal u kull stat membru għandu jkollu mekkaniżmu ta' monitoraġġ indipendenti biex jiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Aktar informazzjoni hawn u hawn.

Rapporteur tal-PE: Birgit Sippel (S&D, DE)

L-għan tar-Regolament dwar l-Iskrinjar ECRIS-TCN (2024/1352) huwa li jippermetti lill-awtoritajiet tal-iskrinjar jaċċessaw id-dejta li tinsab fl-ECRIS-TCN (is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar Rekords Kriminali għal ċittadini ta' pajjiżi terzi) jew fis-CIR (ir-Repożitorju Komuni tal-Identità) għall-finijiet ta' identifikazzjoni jew verifika tal-identità u l-kontrolli tas-sigurtà stabbiliti mir-Regolament (UE) 2024/1356. Aktar informazzjoni hawn.

Rapporteur tal-PE: Birgit Sippel (S&D, DE)

Ir-Regolament dwar il-Qafas ta' Risistemazzjoni (2024/1350) jintroduċi l-ewwel qafas ta' risistemazzjoni tal-UE li qatt sar bil-għan li jsaħħaħ is-solidarjetà mal-pajjiżi li jospitaw numru kbir ta' persuni spostati u jnaqqas il-migrazzjoni irregolari. L-Istati Membri jipparteċipaw fl-iskema billi joffru risistemazzjoni fuq bażi volontarja. L-ewwel qafas ta' risistemazzjoni tal-UE diġà ġie stabbilit għall-2026–2027. Il-parteċipazzjoni mill-Istati Membri hija volontarja, u l-wegħdiet li saru s'issa huma relattivament baxxi. Aktar informazzjoni hawn.

Rapporteur tal-PE: l-eks MEP Malin Björk (Ix-Xellug, l-Iżvezja)

Ir-Regolament Eurodac (2024/1358) għandu l-għan li jidentifika b'mod aktar effettiv lin-nies li jaslu fl-UE, bi ġbir aħjar ta' data dwar applikanti għall-ażil u migranti irregolari fit-territorju tal-UE permezz ta' data bijometrika, iż-żieda ta' immaġni tal-wiċċ ma' databases eżistenti tal-marki tas-swaba', u informazzjoni addizzjonali. L-awtoritajiet tal-Istati Membri se jinkludu wkoll informazzjoni dwar deċiżjonijiet biex titneħħa u tintbagħat lura l-persuna jew tiġi rilokata. L-età permessa tal-ġbir ta' data dwar it-tfal tnaqqset għal 6 snin, mill-14-il sena ta' qabel, u għandha tiġi mmaniġġjata minn persunal imħarreġ b'mod adattat għal mat-tfal. Aktar informazzjoni hawn.

Rapporteur tal-PE: Jorge Buxadé Villalba (eks ECR, issa PfE, Spanja)

Id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza (2024/1346) tippermetti lill-applikanti għall-ażil irreġistrati jibdew jaħdmu aktar kmieni, massimu ta' 6 xhur wara li jitolbu ażil minflok 9 xhur kif kien qabel, biex itejbu l-prospetti ta' integrazzjoni tagħhom. Id-direttiva tiżgura standards ta’ akkoljenza ekwivalenti madwar l-Istati Membri tal-UE f’kundizzjonijiet materjali bħal akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, korsijiet tal-lingwa u edukazzjoni ċivika, taħriġ vokazzjonali u standard ta’ għajxien adegwat għall-applikanti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-minorenni mhux akkumpanjati jiġu assenjati gwardjan legali u t-tfal għandhom jidħlu fis-sistema skolastika mhux aktar tard minn xahrejn wara l-wasla. Aktar informazzjoni hawn.

Rapporteur tal-PE: l-eks MEP Sophie in 't Veld MEP (Renew, NL)

Applikabbli mill-1 ta’ Lulju:

Ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni (2024/1351) jimmira għas-solidarjetà mal-pajjiżi tal-ewwel art, u jirrikjedi li l-istati membri kollha jikkontribwixxu biex jgħinu lill-pajjiżi tal-UE rikonoxxuti bħala li jinsabu taħt pressjoni migratorja. Jistabbilixxi pool ta’ solidarjetà, li għaliha se jkollhom jikkontribwixxu l-pajjiżi kollha tal-UE b’rilokazzjonijiet jew kontribuzzjonijiet finanzjarji. Ir-regolament il-ġdid jistabbilixxi l-limitu minimu għar-rilokazzjonijiet għal 30,000 applikant u l-kontribuzzjoni finanzjarja għal €600 miljun. Ir-regoli miftiehma jinkludu kriterji addizzjonali biex jiġi determinat liema Stat Membru huwa responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (magħrufa bħala r-regoli ta’ Dublin). Biex jiġi ddeterminat il-pajjiż responsabbli, il-każijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja se jingħataw prijorità u r-rabtiet familjari possibbli se jiġu identifikati malajr kemm jista’ jkun. Kriterji addizzjonali huma: diplomi miksuba fi Stat Membru, relazzjonijiet sinifikanti eżistenti, u għarfien tal-lingwa. Jekk ma japplika l-ebda kriterju ieħor, l-ewwel Stat Membru ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali xorta jkun responsabbli biex jeżaminaha. Aktar informazzjoni hawn.

Rapporteur tal-PE: Tomas Tobé (PPE, SE)

Ir-Regolament dwar standards għall-kwalifika (2024/1347) jistabbilixxi l-kriterji għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali. Ir-regolament il-ġdid għandu l-għan li jarmonizza aktar l-istatus ta’ refuġjat madwar l-UE u jżid iċ-ċertezza legali u t-trasparenza billi jgħaqqad it-tul ta’ żmien tal-permessi ta’ residenza mogħtija għal mill-inqas 3 snin għall-istatus ta’ refuġjat u għal mill-inqas sena għall-protezzjoni sussidjarja. Il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali jridu jgħixu fl-istat membru li tahom il-protezzjoni internazzjonali. Aktar informazzjoni hawn.

Rapporteur tal-PE: Matjaž Nemec (S&D, SI)

Ir-Regolament dwar sitwazzjonijiet ta’ Kriżi u Forza Maġġuri (2024/1359) jistabbilixxi mekkaniżmu biex jirrispondi għal żidiet f'daqqa fil-wasliet, filwaqt li jiżgura solidarjetà u appoġġ għall-istati membri li qed jiffaċċjaw influss eċċezzjonali ta' ċittadini minn pajjiżi terzi. Biex titqies bħala kriżi, is-sitwazzjoni trid tagħmel is-servizzi tal-ażil, l-akkoljenza, il-protezzjoni tat-tfal, jew is-sistema ta' ritorn ta' stat membru partikolari mhux funzjonali. In-nies li jaslu jistgħu jiġu identifikati bħala intitolati għal protezzjoni prima facie, fejn l-awtoritajiet ikollhom jipprijoritizzaw l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, u jiżguraw il-konklużjoni rapida tal-applikazzjoni tagħhom. Aktar informazzjoni hawn.

Rapporteur tal-PE: Juan Fernando López Aguilar (S&D, ES)                                                                        

Ir-Regolament dwar il-Proċedura ta' Ritorn fuq il-Fruntiera (2024/1349) japplika għal ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni bla Stat li l-applikazzjoni tagħhom ġiet miċħuda fil-kuntest tal-proċedura tal-asil fil-fruntiera. Aktar informazzjoni hawn.

Rapporteur tal-PE: Fabienne KELLER (Franza, Renew)

 

Links utli:

It-Testi Leġiżlattivi tal-Patt dwar il-Migrazzjoni kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE

Aġġornament għall-Istampa mill-MEPs ewlenin Tomas Tobé (EPP, SE), Birgit Sippel (S&D, DE), Jorge Buxade (PfE, ES) u Fabienne Keller (Renew, FR) fl-10/6/26

Aġġornament għall-Istampa mill-MEPs ewlenin Lena Dupont (EPP, DE), Juan Fernando Lopez Aguilar (S&D, ES), Alessandro Cirian (ECR, IT), u Matjaž Nemec (S&D, SI) fl-10/6/26

Il-vot fil-Plenarja tal-PE dwar il-Patt dwar il-Migrazzjoni

Il-paġna tal-Kunsill tal-UE dwar il-migrazzjoni

Il-paġna tal-KE dwar il-migrazzjoni

Preżentazzjoni tal-KE dwar l-istrateġija tal-migrazzjoni fuq ħames snin

Rapport tal-EUAA dwar l-Ażil

Aġġornament dwar is-sitwaazzjoni mill-EUAA 

Briefing tal-EPRS dwar l-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità adegwata tal-Istati Membri u l-għadd massimu ta' applikazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminat minn Stat Membru fil-proċedura fuq il-fruntiera kull sena

Materjal awdjoviżiv