“Intom il-promoturi li jmiss tal-valuri Ewropej” Il-President tal-PE Metsola żżur l-Iskola St Dorothy’s

St Dorothy’s Senior School dan l-aħħar saret waħda mill-Iskejjel Ambaxxaturi tal-Parlament Ewropew wara li ħadet sehem fil-programm tal-Parlament bl-istess isem.

roberta-metsola-at-st-dorothy-s-school

St Dorothy’s Senior School dan l-aħħar saret waħda mill-Iskejjel Ambaxxaturi tal-Parlament Ewropew wara li ħadet sehem fil-programm tal-Parlament bl-istess isem. Grupp ta’ studenti mill-iskola kellhom ukoll l-opportunità li jżuru l-Parlament Ewropew fi Strasburgu biex jipparteċipaw fil-programm Euroscola. B’rikonoxximent tas-suċċess tagħhom ġew preżentati b’ċertifikat mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt żjara li għamlet fl-iskola.

"Grazzi għall-impenn tagħkom u dak ta' tant studenti u għalliema oħra madwar l-Ewropa, dan il-programm qiegħed isir dejjem aktar ta’ suċċess billi jħeġġeġ ċittadinanza attiva fost żgħażagħ Ewropej. Illum aktar minn qabel, il-parteċipazzjoni tagħna bħala ċittadini huwa kruċjali għall-Ewropa biex tkun tista’ taffronta l-isfidi li għandha quddiemha b’kunfidenza u tama. Għalhekk intom il-ġenerazzjoni li jmiss li trid tippromwovi l-valuri Ewropej”, qalet il-President Metsola. 

Wara l-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm EPAS, l-istudenti ta’ St Dorothy’s kienu rebħu wkoll il-Kwizz finali li sar nhar Jum l-Ewropa (9 ta’ Mejju) fl-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew, il-Belt Valletta. B’hekk ingħataw l-opportunità li 24 studenta u 2 għalliema mill-iskola jieħdu sehem fil-programm prestiġjuż Euroscola fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu fis-7 ta’ Frar 2025.

Permezz tal-esperjenza Euroscola, l-istudenti jidħlu fiż-żarbun tal-Membri tal-Parlament Ewropew billi jiddibattu kwistjonijiet marbuta mal-UE u jikkollaboraw ma' sħabhom minn madwar l-Istati Membri kollha fil-qalba tad-demokrazija Ewropea.

Il-programm EPAS għandu l-għan li jgħin lill-istudenti jifhmu aktar id-demokrazija parlamentari Ewropea, jippromwovi ċittadinanza attiva, u jrawwem għarfien akbar tal-valuri tal-Unjoni Ewropea. B'madwar 2000 Skola Ambaxxatur tal-Parlament Ewropew iċċertifikati, 5,000 għalliem u kważi 35,000 student bħala ambaxxaturi madwar l-Ewropa, dan in-netwerk joffri lill-iskejjel opportunità kbira biex jiskambjaw prattiċi tajba u jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-programm.

F’Malta, il-programm huwa kkoordinat mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta fejn fis-sena skolastika kurrenti qegħdin jieħdu sehem 14-il skola.