EMAS f’Dar l-Ewropa

EMAS f’Dar l-Ewropa

EMAS f’Dar l-Ewropa

L-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) hija s-sistema ta’ ġestjoni tal-UE verifikata b’mod indipendenti li tgħin lill-organizzazzjonijiet kemm privati u kemm pubbliċi, sabiex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom billi jistabbilixxu objettivi u miri b’mod sistematiku, u jkejlu l-progress lejn il-ksib tagħhom.

Bħala kontribuzzjoni għall-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni Ewropea turi l-impenn tagħha lejn l-iżvilupp sostenibbli u prattiki ambjentali tajbin, billi tiżgura li tnaqqas l-impatt tal-attivitajiet ta’ kuljum tagħha b’mod konsistenti mal-politiki li hija żviluppat għall-Ewropa.
L-uffiċċju tagħna ilu mill-2020 jaħdem flimkien mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta fuq l-implimentazzjoni tal-EMAS f’Dar l-Ewropa, il-Belt Valletta.

In-nies li ġejjin huma involuti fl-implimentazzjoni, u huma disponibbli għalik permezz ta’ email fuq emas_eplovalletta@europarl.europa.eu fi kwalunkwe ħin għal mistoqsijiet dwar l-EMAS.

Skopri aktar

image-from-the-document-manager

Kif tista’ tikkontribwixxi?


1. Uża t-taraġ – aħraq il-kaloriji, minflok taħli l-elettriku.
Minflok tagħfas il-buttuna tal-lift kull darba, ikkunsidra li tuża t-taraġ aktar ta’ spiss. Mhux dejjem ikun possibbli, imma biddel il-perspettiva tiegħek ftit ftit u ara x’jiġri.

 

2. Uża imballaġġ ħieles mill-plastik għall-kafè, l-ikel u x-xiri.

L-imballaġġ magħmul mill-plastik jew minn materjal ieħor magħmul b’mod mhux sostenibbli huwa ta’ ħsara għall-ambjent naturali. F’Dar l-Ewropa mhuwiex permess l-użu ta’ plastik li jintuża darba biss. 

Kun parti mis-soluzzjoni u mmira li tieqaf tuża l-imballaġġ għal darba biss għalkollox. Tiftakarhom isemmu r-riduzzjoni, ir-riużu u r-riċiklaġġ? Meta xi ħaġa tintuża darba biss u tintrema, inkunu qed nonqsu milli nieħdu responsabbiltà għal xi jsir minnha wara li tintrema. Staqsi lilek innifsek din il-mistoqsija: kemm-il oġġett minn dawk li tuża jispiċċa fl-iskart mill-ewwel wara li tkun użajtu?

L-aħbar tajba hi li m’hemmx għalfejn jiġri hekk! Fil-kċejjen hemm kontenituri u tazzi disponibbli għall-ikel jew għall-kafè biex toħodhom miegħek. Tqassmu wkoll fliexken tal-ilma li jerġgħu jintużaw, u tista’ ssib uħud metalliċi fi ħwienet differenti f’Malta, li jżommu l-likwidi kesħin sa 12-il siegħa - tal-ġenn għas-sjuf Maltin!

Basktijiet li jerġgħu jintużaw tal-frott u l-ħaxix huma disponibbli fil-maġġoranza tas-supermarkets; żommhom mal-basktijiet tax-xiri akbar u ftakar biex toħodhom miegħek meta terġa’ tmur għand tal-merċa.

 

3. Armi l-batteriji b’mod sensibbli.
Kont taf li Dar l-Ewropa hija punt ta’ ġbir fejn kwalunkwe persuna tista’ tiddepożita l-batteriji użati tagħha? Aħna wkoll jiġifieri! Ftakar li l-batteriji mormijin jissaddu u l-kimiċi jispiċċaw fl-art, fil-baħar u possibbilment fil-provvista tagħna tal-ilma.

 

4. Attent għall-airconditioning, u meta tista’, iftaħ it-twieqi minflok.

Imnalla jeżisti l-airconditioning fis-sajf! Imma dejjem għandna nirrikorru għalih? Agħżel it-temperatura t-tajba biex tnaqqas il-konsum tal-enerġija, filwaqt li tkessaħ fl-istess ħin - ipprova tkessaħx il-kamra żżejjed, billi dan jaħli d-dawl. Kun responsabbli li titfi l-airconditioner meta toħroġ mill-kamra.


5. Suq inqas.
Agħmel mira għalik innifsek li tnaqqas l-ammont ta’ drabi li tuża l-karozza. Pereżempju, jekk toqgħod fl-inħawi ta’ Tas-Sliema jew il-Kottonera, uża l-Valletta Ferry Services - ir-residenti Għawdxin jistgħu jużaw il-Gozo Fast Ferry darba jew darbtejn fil-ġimgħa. Huwa servizz puntwali, u tevita t-traffiku. Tispiċċa tagħmel ftit eżerċizzju wkoll bil-mixja qasira sa Dar l-Ewropa.

Aqsam l-esperjenza tiegħek ma’ oħrajn, u aqsam il-benefiċċji li ggwadanjajt! Dar l-Ewropa għandha żewġ roti ta’ servizz li jistgħu jintużaw minn kwalunkwe persuna għal vjaġġi qosra. Jekk titħajjar tissellef ir-roti, ikkuntattja lit-tim tagħna.

 

6. 730 tunnellata skart jintremew fil-Baħar Mediterran ta’ kuljum. Iżżidx magħhom!
L-iskart fil-baħar tagħna jikkawża problemi għall-ħajja tal-baħar, riskji għal saħħitna u saħħet uliedna, u jżid spejjeż enormi għat-turiżmu u s-sajd tagħna. L-iskart tal-plastik fl-oċeani tagħna joħloq riskju ambjentali. Tkun fejn tkun – jekk hux l-uffiċċju, id-dar, jew barra, żomm f’moħħok fejn se jmur l-iskart tiegħek u ħu azzjoni pożittiva sabiex tipprevjeni li l-iskart jispiċċa fil-post il-ħażin.

Meta ma tkunx tista’ tnaqqas l-iskart, ipprova erġa’ uża l-oġġett, imma dejjem irriċikla. Dar l-Ewropa tissepara l-iskart kollu tagħha skont ir-regolamenti lokali. Il-bins tas-separazzjoni jinsabu f’kull uffiċċju u kċina. Il-batteriji jiġu ddepożitati fis-sular t’isfel.

 

7. Ikkonsulta lill-Helpdesk tal-APE.
Għal mistoqsijiet dwar il-kriterji ambjentali li jridu jiġu osservati meta jinxtraw prodotti jew servizzi (“Akkwist Pubbliku Ekoloġiku”), il-Helpdesk tal-APE dejjem lest jaqdik b’għajnuna u pariri.

 

8. Żomm ruħek aġġornat b’pariri ġodda biex tipproteġi l-ambjent.

Jekk huwiex it-tfassil favur l-ambjent ta’ avvenimenti pubbliċi, l-organizzazzjoni ta’ vjaġġi fuq xogħol b’inqas emissjonijiet, jew suġġerimenti prattiċi għal xogħol mid-dar aktar ekoloġiku: diversi korsijiet ta’ taħriġ jipprovdu pariri ta’ appoġġ dwar l-EMAS u l-Patt Ekoloġiku Ewropew. Sikwit tinxtered l-aħbar dwar sessjonijiet ġodda ta’ taħriġ b’email.
 

image-from-the-document-manager-1

EMAS f’Dar l-Ewropa

  • EMAS f’Dar l-Ewropa