Installazzjoni dwar id-Diżinformazzjoni għal aktar għarfien dwar il-midja u d-demokrazija għall-pubbliku
L-inizjattiva tal-Uffiċċju tal-PE f’Malta laħqet udjenzi diversi f’numru ta’ postijiet pubbliċi u tindirizza l-manipulazzjoni online u tinkludi informazzjoni biex titrawwem ir-reżiljenza demokratika.

L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta ilu jippromwovi din il-wirja interattiva li kienet qed tiġi installata minn post għall-ieħor. Imnedija bħala rispons għal waħda mill-aktar sfidi kritiċi li qed jiffaċċjaw is-soċjetajiet demokratiċi kontemporanji, l-inizjattiva kellha l-għan li tqajjem kuxjenza pubblika, tistimula dibattitu kritiku u tiggwida liċ-ċittadini lejn l-għodod meħtieġa biex jidentifikaw u jiġġieldu informazzjoni qarrieqa.
Waqfiet madwar Malta u Għawdex
Biex timmassimizza l-firxa tagħha, il-wirja waqfet f’għadd ta' postijiet pubbliċi, istituzzjonijiet akkademiċi, u avvenimenti tal-massa wara t-tnedija inizjali tagħha fil-Librerija tal-Università ta' Malta f'April. Dawn kienu jijnkludu:
• Il-Konferenza dwar l-Identifikazzjoni tad-Diżinformazzjoni, organizzata mill-EPLO fil-Librerija tal-Università ta' Malta;
• Iċ-Ċinema Eden, fejn laħqet udjenzi kulturali mainstream;
• Il-Festival ALDA, ospitat fl-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta' Malta (MICAS);
• Iċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum l-Ewropa f'Għawdex;
• Il-Konferenza dwar id-Diversità, organizzata mill-Pjattaforma CORE;
• It-tliet sessjonijiet tal-kors ‘EU Unlocked’ għall-intraprendituri.
Bħala parti minn dan il-vjaġġ kollaborattiv, l-Uffiċċju tal-PE f’Malta tkellem mal-organizzaturi u rappreżentanti minn dawn il-postijiet biex jenfasizza l-importanza li l-litteriżmu tal-midja jkun aktar fl-isfera pubblika u li dawn id-diskussjonijiet vitali jsiru aċċessibbli għal udjenzi usa'.
Tagħlim interattiv għall-era diġitali
L-installazzjoni kienet multimedjali, bħal kubi interattivi b’messaġġi importanti dwar is-suġġett, statistika, u kodiċijiet QR, kie ukoll pannelli ta' informazzjoni dettaljati. Il-kontenut kien strutturat biex jiggwida lill-viżitaturi dwar id-dimensjonijiet differenti tal-kunflitt tal-informazzjoni:
• Definizzjonijiet: X’inhi d-differenza bejn diżinformazzjoni intenzjonata u miżinformazzjoni aċċidentali.
• Mekkaniżmi: X’inhuma l-motivazzjonijiet, l-atturi, u l-metodi sofistikati użati li jimmanipulaw l-opinjoni pubblika.
• Riskji: It-theddid tanġibbli li kampanji mmirati joħolqu għad-dibattitu pubbliku u t-teħid ta' deċiżjonijiet b’mod demokratiku.
• Rispons istituzzjonali: Ħarsa lejn l-azzjonijiet konkreti li qed jittieħdu mill-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew biex jirregolaw u jindirizzaw il-kwistjoni.
• Għajnuna liċ-ċittadin: Għodod u strateġiji prattiċi li ċ-ċittadini jistgħu jużaw kuljum biex jivverifikaw is-sorsi u jagħrfu kontenut qarrieqi.
Tħassib pubbliku li qed jikber
Ir-rilevanza tal-wirja hija riflessa f’data reċenti tal-Ewrobarometru li tiżvela li t-tħassib dwar id-diżinformazzjoni huwa għoli ħafna f'Malta. Il-maġġoranza kbira ta' dawk li wieġbu esprimew tħassib espliċitu dwar il-proliferazzjoni ta' informazzjoni falza jew qarrieqa online. B'mod partikolari enfasizzaw iż-żieda ta' kontenut iġġenerat mill-intelliġenza artifiċjali u deepfakes.
Din l-istatistika ssaħħaħ il-ħtieġa urġenti għal inizjattivi edukattivi fil-livell lokali. Permezz ta’ din l-installazzjoni, l-Uffiċċju tal-PE f’Malta kellu l-għan li jgħin titrawwem kultura ta' riflessjoni u responsabbiltà kondiviża. Iċ-ċittadinanza infurmata hija d-difiża aħħarija kontra t-tfixkil demokratiku.