Iż-Żgħażagħ u l-PE: L-EYE u Lil Hinn
F’lejla sajfija f’Lulju, l-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLO) f’Malta laqa’ lil parteċipanti żgħażagħ u mistednin speċjali għal avveniment bl-isem “Engaging with Youths: The EYE and Beyond”
F’lejla sajfija f’Lulju, l-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLO) f’Malta laqa’ lil parteċipanti żgħażagħ u mistednin speċjali għal avveniment bl-isem “Engaging with Youths: The EYE and Beyond”, li kien ċelebrazzjoni tal-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ (EYE) 2025 u r-rabta dejjem tikber bejn il-Parlament Ewropew u ż-żgħażagħ madwar Malta u Għawdex.
Id-diskussjoni bdiet fis-sala tal-konferenzi tal-Uffiċċju, u l-konverżazzjonijiet tkomplew fuq it-terrazzin.
L-avveniment laqqa’ lil eks parteċipanti tal-EYE, Membri tal-Parlament Ewropew (MPE), Junior Ambassadors tal-EPAS, voluntiera ta’ flimkien.eu, u content creators, sabiex jirriflettu fuq l-esperjenzi tagħhom u jiddiskutu l-ħafna opportunitajiet li l-UE toffri liċ-ċittadini żgħażagħ.
Kummenti tal-Bidu u Kontribuzzjonijiet tal-MPE
Is-serata bdiet b’merħba mingħand il-moderatriċi Sephora Francalanza, li introduċiet liż-żewġ mistiedna speċjali fid-diskussjoni: il-MPE Peter Agius u l-MPE Thomas Bajada.
Il-MPE Bajada, l-iżgħar Membru tal-Parlament Ewropew Malti, qasam l-esperjenza tiegħu bħala parteċipant fl-EYE2025 fi Strażburgu, u spjega kif l-esperjenza spikkat fil-vjaġġ tiegħu fis-servizz pubbliku. Huwa saħaq kif għandha tkun il-ġenerazzjoni żagħżugħa li tnissel it-tama fid-dinja mgħaġġla tal-lum.
Il-MPE Agius tkellem dwar l-involviment kontinwu tiegħu maż-żgħażagħ Maltin permezz ta’ żjarat ta’ studju u outreach edukattiv, filwaqt li enfasizza l-importanza li l-Parlament Ewropew ikun aċċessibbli għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar.
Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Dr Mario Sammut imbagħad spjega fil-qosor x’inhu l-irwol tal-Uffiċċju u kif l-2024, billi kienet is-sena tal-elezzjonijiet tal-PE, rat żieda qawwija fl-involviment taż-żgħażagħ fuq diversi mezzi. Huwa semma kif iż-żgħażagħ u l-content creators lokali kienu essenzjali fil-ħidma tal-Uffiċċju biex ixerred il-kelma dwar l-importanza li kulħadd juża l-vot tiegħu.
Vuċijiet mill-EYE2025
Intwera wkoll filmat qasir b’mumenti mill-EYE2025 u attivitajiet oħra taż-żgħażagħ organizzati mill-EPLO, fosthom l-EPAS, l-Euroscola u l-Leadership Academy.
L-udjenza mbagħad semgħet x’kellhom xi jgħidu l-parteċipanti Maltin:
• Celeste tan Panza, ambaxxatriċi tal-EPAS u voluntiera ta’ flimkien.eu, irriflettiet dwar kif il-vjaġġ tagħha matul l-EPAS wassalha biex intgħażlet għall-EYE u biex fehmet aħjar fiex jikkonsisti l-involviment ċiviku.
• Jean Borg u Kyle Vella, it-tnejn voluntiera ta’ flimkien.eu, qasmu x’kien dak li spikka għalihom fl-avveniment, u tkellmu dwar l-importanza ta’ inizjattivi tal-UE sabiex jissaħħu l-vuċijiet taż-żgħażagħ.
Content Creators u Influwenza Ċivika
Fil-panel kien hemm ukoll Taryn Mamo Cefai u Monique Farrugia, content creators lokali li kienu parti mid-delegazzjoni Maltija fi Strażburgu. Huma tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom li jużaw il-pjattaformi diġitali u r-rakkont tal-istejjer sabiex jinvolvu liż-żgħażagħ u jippromwovu l-valuri tal-UE.
Il-messaġġ tagħhom lil creators żgħażagħ oħrajn kien ċar: pjattaformi bħall-EYE jwasslu għal djalogu awtentiku, networking internazzjonali, u jgħinu fl-attiviżmu lokali.
Programmi taż-Żgħażagħ u Opportunitajiet
L-aħħar parti tas-serata ffukat fuq il-programmi disponibbli għaż-żgħażagħ permezz tal-Parlament Ewropew. Elaine Cordina, l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Uffiċċju, ippreżentat il-komunità flimkien.eu u kif iż-żgħażagħ jistgħu jinvolvu ruħhom anke mingħajr ma jipparteċipaw formalment f’xi programm.
Il-Kap tal-Uffiċċju Dr Mario Sammut fiehem lill-udjenza fiex jikkonsistu l-programmi EPAS u Euroscola, spjega min jista’ jipparteċipa u kif dawn l-inizjattivi jipprovdu opportunitajiet uniċi ta’ tagħlim, u jwasslu għal ħajja ċivika Ewropea.
L-Għeluq u n-Networking
L-avveniment għalaq b’sessjoni ta’ networking f’ambjent rilassanti fuq it-terrazzin ta’ Dar l-Ewropa - opportunità għall-parteċipanti biex jitkellmu, jaqsmu l-ideat tagħhom, u jrawmu konnessjonijiet ġodda.