Ambaxxaturi tal-EPAS, voluntiera ta’ flimkien.eu u content creators jingħaqdu fl-EYE2025
L-EYE2025, is-sitt edizzjoni ta’ dan l-avveniment, sar fit-13 u l-14 ta’ Ġunju 2025
.jpg)
Kull sentejn, l-EYE (l-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ) jgħaqqad lil eluf ta’ żgħażagħ minn madwar l-Unjoni Ewropea u lil hinn, fil-qalba tad-demokrazija Ewropea. L-EYE jippreżenta opportunità unika għaż-żgħażagħ li għandhom bejn 16 u 30 sena sabiex jispiraw ruħhom u lil oħrajn, jiddibattu direttament mal-Membri tal-Parlament Ewropew u Ewropej oħra li jieħdu d-deċiżjonijiet, u sabiex jaqsmu l-fehmiet tagħhom ma’ esperti, attivisti, u content creators.
L-edizzjoni ta’ din is-sena mhux b’inqas. L-EYE2025, is-sitt edizzjoni ta’ dan l-avveniment, sar fit-13 u l-14 ta’ Ġunju 2025, u offra taħlita interattiva u dinamika ta’ attivitajiet, dibattiti, workshops, żjarat, prestazzjonijiet artistiċi u ħafna aktar - kemm ġol-Parlament Ewropew fi Strażburgu, kif ukoll madwar il-Villaġġ tal-EYE.
Id-delegazzjoni Maltija għal dan il-vjaġġ kienet magħmula mill-Junior Ambassadors tal-EPAS Benjamin Borg, Cherise Sultana, Liam Spiteri, Celeste tan Panza u Giulia Bugeja, il-voluntiera ta’ flimkien.eu Jean Borg u Kyle Vella, il-content creators lokali Sasha Vella, Taryn Mamo Cefai u Monique Farrugia, u l-ġurnalisti Juliana Zammit mill-MaltaToday u Hayley Bonnici minn FreeHour, akkumpanjati minn Odette Camilleri Bonett, il-Korrispondenta taż-Żgħażagħ fl-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta.
Minkejja x-xemx taqli l-ġrieden, il-grupp ħa pjaċir jipparteċipa f’avvenimenti u dibattiti li seħħew tul il-jumejn, bħal “Exploring Space - Innovation for Security & Sustainability”. Huma kienu entużjasti ħafna biex isiru jafu aktar dwar ir-rwol tal-interpreti għall-konferenzi fil-Parlament Ewropew matul laqgħa ma’ Juan Carlos Jiménez Marín, id-Direttur Ġenerali għal-Loġistika u l-Interpretazzjoni għall-Konferenzi fil-Parlament Ewropew, u Daniela Scerri, l-Aġent Kap tal-Unità għall-Interpretazzjoni għall-Malti. F’din il-laqgħa ż-żgħażagħ semgħu dwar opportunitajiet ta’ karrieri fil-Parlament Ewropew li jeżistu għaż-żgħażagħ b’ħiliet lingwistiċi fil-Malti, u anke kellhom iċ-ċans li jippruvaw jinterpretaw fil-kabini tal-interpretazzjoni!
Sasha Vella indirizzat dibattitu bl-isem “Platforms of power: how content creators spark political engagement”, flimkien mal-MPE Malti Thomas Bajada, fejn qasmet l-esperjenzi tagħha stess fl-attiviżmu, partikolarment f’kampanji lokali riċenti.
Il-grupp Malti kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ u jiddiskuti ma’ Glenn Micallef, il-Kummissarju Ewropew għall-Ekwità Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport, li kien kuntent li kien qed jerġa’ jattendi l-EYE għat-tieni darba, wara li attenda dan l-avveniment 10 snin ilu bħala żagħżugħ hu stess.
Il-programm tal-Villaġġ tal-EYE kien ikkoordinat mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, b’attivitajiet maħluqin mill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tas-soċjetà ċivili, filwaqt li jiżguraw ir-rappreżentazzjoni u pluralità ta’ perspettivi.