EPAS Together - Laqgħa f’Dar l-Ewropa qabel l-avveniment

32 student u 8 għalliema mill-iskejjel parteċipanti Maltin iltaqgħu qabel il-vjaġġ tagħhom f'Ruma

Students and teachers gathered at Europe House, Valletta, watching a video message by the President of the European Parliament, Roberta Metsola

Fit-tħejjija għall-avveniment EPAS Together 2025 f’Ruma, l-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLO) f’Malta laqa’ lil 32 student u 8 għalliema mill-iskejjel Maltin parteċipanti għal kolazzjon informali f’Dar l-Ewropa. Din il-laqgħa ta’ qabel l-avveniment serviet ta’ opportunità sabiex l-istudenti u l-edukaturi jinteraġixxu, jaqsmu l-aspettattivi tagħhom, u jippreparaw għall-programm eċitanti li qed jistenniehom.

Matul is-sessjoni, il-Korrispondenta taż-Żgħażagħ, Odette Camilleri Bonett, spjegat il-pjan sħiħ lill-parteċipanti, mit-tluq tagħhom minn Malta sar-ritorn, u qasmet messaġġ speċjali b’filmat mingħand il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. L-għodwa kienet imżewqa b’diskussjonijiet vibranti u networking, u xi tnaqqir u xorb ma naqasx.

Tliet Junior Ambassadors - Gabriele Farrugia Bonello, Nicholas Frank Sammut, u Nikons Vasnins, li pparteċipaw fl-EPAS Together 2023 f’Ċipru, qasmu wkoll ir-riflessjonijiet tagħhom u dak li ħadu minn din l-esperjenza. L-esperjenzi tagħhom kienu ta’ ispirazzjoni u motivazzjoni għall-parteċipanti ta’ din is-sena, bi tħejjija għall-attivitajiet kollaborattivi tagħhom ma’ parteċipanti oħra mill-Italja u minn Ċipru.

Il-laqgħa ntemmet b’ritratt tal-grupp iżomm bi kburija l-bnadar ta’ Ċipru, l-Italja, Malta, u l-UE, fuq il-bejt ta’ Dar l-Ewropa. Il-parteċipanti ġew introdotti wkoll għall-Isfida b’Filmat “My Rome Experience”, li permezz tagħha kienu mħeġġin jiddokumentaw il-vjaġġ u l-esperjenzi tagħhom f’Ruma b’mod kreattiv.

L-iskejjel parteċipanti minn Malta:
•    L-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Santa Klara, Pembroke
•    L-Iskola St Dorothy’s
•    Il-Kulleġġ St Edward’s
•    Il-Kulleġġ San Injazju
•    L-Iskola St Joseph
•    Il-Kulleġġ St Martin’s
•    Il-Kulleġġ St Thomas More
•    L-Iskola Nazzjonali tal-Isport

 

Students on the terrace of Europe House, Valletta, displaying the Maltese, Cypriot and Italian flag.