EPLO Malta jieħu lill-content creators Maltin Brussell għas-Summit tal-Content Creators 2025

10 content creators iżuru l-Parlament Ewropew fi Brussell

People smiling for a photo in front of the European Parliament building in Brussels.

Mill-10 sat-13 ta’ Novembru, 2025, l-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta (EPLO) ikkoordina l-parteċipazzjoni ta’ 10 content creators Maltin fis-Summit tal-Content Creators 2025, li sar fil-Parlament Ewropew fi Brussell.

Din l-inizjattiva tagħmel parti mill-impenn kontinwu ta’ dan l-Uffiċċju li jsaħħaħ l-involviment ċiviku, jimmodernizza l-mezzi tal-komunikazzjoni, u jressaq is-suġġetti tal-UE lejn udjenzi żgħażagħ u lejn dawk attivi online, permezz tal-media soċjali.

Id-delegazzjoni Maltija kienet magħmula minn Demaris Agius, Gail Baldacchino, Raisa Brincat Newell, Kurt Calleja u Kevin Paul Calleja, Daniela Farrugia, Trudy Kerr, Dorianne Mamo, Emma Tranter, and Jais Zammit. Il-grupp irrappreżenta diversi pjattaformi, stili u udjenzi. Permezz ta’ din id-diversità, setgħu jintlaħqu iżjed nies u seta’ jkun hemm aktar interazzjoni fost il-komunità diġitali Maltija.

Matul is-summit, il-parteċipanti attendew programm mimli diskussjonijiet u workshops li jkopru suġġetti ewlenin, bħad-diżinformazzjoni, ir-responsabbiltà diġitali, it-tfassil tal-politiki tal-UE, tagħrif dwar ir-riċerka u d-data, u d-dimensjonijiet legali u etiċi tal-ħolqien tal-kontenut online. Il-creators kellhom ukoll l-opportunità li jinteraġixxu direttament mal-Membri Maltin tal-Parlament Ewropew, sabiex isaħħu r-rabtiet tagħhom u jesploraw kollaborazzjoni futura fuq suġġetti marbuta mal-UE.

Matul iż-żjara, il-creators kontinwament iddokumentaw l-esperjenza tagħhom, u pproduċew ħafna kontenut organiku minn ġewwa l-Parlament Ewropew stess. Apparti milli koprew mumenti minn wara l-kwinti u riżultati ewlenin mis-summit fil-kontenut tagħhom, il-grupp ħoloq ukoll kontenut mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, as well as Maltese MEPs Alex Agius Saliba, Peter Agius, Daniel Attard and Thomas Bajada. Dan jgħin sabiex iqarreb id-demokrazija tal-UE lejn iċ-ċittadini b’mod aktar aċċessibbli u intriganti.

Ir-rispons tal-creators li pparteċipaw kien pożittiv ferm, u ħafna minnhom esprimew interess li jibqgħu jikkollaboraw mal-Uffiċċju tal-PE f’Malta f’attivitajiet futuri u inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni.

Tista' tara l-kontenut kollu maħluq fuq il-kontijiet tal-Uffiċċju fuq Instagram u Facebook.