Stħarriġ tal-UE: it-tħassib akbar dwar il-futur iżid it-talba għal aktar azzjoni Ewropea
Ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru

- Il-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej imħassba dwar il-kwistjonijiet tas-sigurtà bħall-kunflitti li għaddejjin (72%), it-terroriżmu (67%), id-diżastri naturali li qed isiru agħar minħabba t-tibdil fil-klima (66%), l-attakki ċibernetiċi (66%) u l-migrazzjoni mhux ikkontrollata (65%).
- 89% ta’ dawk li wieġbu jgħidu li l-Istati Membri tal-UE għandhom ikunu aktar magħqudin biex jiffaċċjaw dan it-theddid globali.
- 86% jridu li l-UE jkollha vuċi aktar b’saħħitha u 73% jridu aktar riżorsi sabiex l-UE tindirizza t-theddid fil-livell internazzjonali.
- F’Malta, 71% jqisu s-sħubija fl-UE bħala xi ħaġa tajba, żieda ta’ 12% fuq l-istħarriġ preċedenti, u 81% jridu jaraw l-UE tieħu rwol akbar fil-ħarsien taċ-ċittadini mill-kriżijiet dinjija u r-riskji għas-sigurtà.
Fi żmien meta t-tensjonijiet ġeopolitiċi qed jikbru, iċ-ċittadini qed isiru dejjem aktar anzjużi dwar il-futur tagħhom u jridu li l-UE taġixxi b’sens ta’ unità u ambizzjoni.
Ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ Ewrobarometru tal-Parlament Ewropew, ippubblikat nhar l-Erbgħa, juru li l-iżviluppi globali qed jinkwetaw liċ-ċittadini tal-UE. It-taqlib ġeopolitiku qed ikollu impatt kbir fuq il-perċezzjonijiet tal-Ewropej, bil-maġġoranza (52%) jgħidu li huma pessimisti dwar il-futur tad-dinja, 39% jgħidu li huma pessimisti dwar il-futur tal-UE u 41% jgħidu li huma pessimisti dwar il-futur ta’ pajjiżhom. Il-perspettiva tidher kemxejn isbaħ fuq livell individwali, b’aktar minn tliet kwarti tal-Ewropej (76%), u sa 85% tal-Maltin, iħossuhom ottimisti dwar il-futur tagħhom stess u dak tal-familja tagħhom.
L-isfidi huma tabilħaqq ħafna, kif jikkonfermaw is-sejbiet tal-istħarriġ. It-tħassib relatat mas-sigurtà u s-sikurezza huwa qawwi fis-suġġetti kollha mistħarrġa. Fuq nett tal-lista ta’ tħassib insibu: il-kunflitti qrib l-UE (72%), it-terroriżmu (67%), l-attakki ċibernetiċi minn pajjiżi mhux tal-UE (66%), id-diżastri naturali li qed isiru agħar minħabba t-tibdil fil-klima (66%), u l-flussi migratorji mhux ikkontrollati (65%). B’mod parallel, ir-riskji relatati mal-komunikazzjoni, bħad-diżinformazzjoni (69%), id-diskors ta’ mibegħda online u offline (68%), il-kontenut falz iġġenerat mill-intelliġenza artifiċjali (68%), il-protezzjoni insuffiċjenti tad-data (68%) u t-theddid għal-libertà tal-espressjoni (67%), jinħassu wkoll b’mod wiesa’ bħala sorsi ta’ tħassib.
Dan it-tħassib huwa rifless f’Malta wkoll. Fejn tidħol is-sigurtà, it-tħassib ewlieni huwa dwar il-flussi ta’ migrazzjoni (81%) u l-attakki ċibernetiċi minn pajjiżi barra l-UE (80%). Fejn tidħol komunikazzjoni, il-Maltin imħassba dwar id-diżinformazzjoni (78%), il-kontenut falz permezz tal-AI (79%), id-diskors ta’ mibegħda online u l-protezzjoni tad-data (it-tnejn 76%), u t-theddid għal-libertà tal-espressjoni (73%).
Sejħa għal Ewropa magħquda
Fl-isfond ta’ bosta sfidi, iċ-ċittadini tal-UE jridu li l-Unjoni Ewropea taġixxi aktar. 66% taċ-ċittadini fl-UE - u 81% f’Malta - jridu li l-UE tagħti sehemha biex iżżommhom sikuri, u dan jenfasizza r-rwol protettiv tal-UE fil-kuntest politiku attwali. Iċ-ċittadini jqisu wkoll li l-għaqda hija kruċjali: 89% ta’ dawk li wieġbu, u 96% tal-Maltin, jgħidu li l-Istati Membri tal-UE għandhom ikunu aktar magħqudin, filwaqt li 73% - u 92% f’Malta - jaqblu li l-Unjoni Ewropea teħtieġ mezzi akbar biex tiffaċċja l-isfidi globali attwali. Skont iċ-ċittadini, l-UE għandha tiffoka primarjament fuq id-difiża u s-sigurtà (40%), il-kompetittività, l-ekonomija u l-industrija (32%), u l-indipendenza enerġetika (29%), biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fid-dinja. Għall-Maltin, il-prijoritajiet ewlenin huma d-difiża u s-sigurtà (32%), l-edukazzjoni u r-riċerka (30%), u l-azzjoni klimatika u t-tnaqqis tal-emissjonijiet (24%).
“It-tensjonijiet ġeopolitiċi jsawru s-sens ta’ sigurtà ta’ kuljum tal-Ewropej. Iċ-ċittadini jistennew li l-Unjoni Ewropea tipproteġi, tkun ippreparata u taġixxi b'unità. Dan huwa eżattament dak li għandha tipprovdi Ewropa aktar b’saħħitha u li tasserixxi aktar lilha nnifisha. L-Ewropa hija l-aktar tarka b’saħħitha li għandna,” qalet il-President tal-Parlament Ewropew Metsola.
L-għoli tal-ħajja huwa prijorità ewlenija
Il-prezzijiet għoljin qed ikomplu jħallu impatt fuq il-livell tal-għajxien taċ-ċittadini. Domestikament, l-inflazzjoni, iż-żieda fil-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja (41%) huma għal darb’oħra l-ogħla prijoritajiet li l-Ewropej iridu li l-Parlament Ewropew jindirizza. Din hija wkoll il-prijorità ewlenija għall-Maltin (40%) segwita mis-saħħa pubblika (38%), l-ambjent u t-tibdil fil-klima (34%), u l-migrazzjoni (33%). Fuq il-livell tal-UE, l-ekonomija u l-ħolqien tal-impjiegi jsegwu qrib (35%) filwaqt li f’Malta huma 24% li għalihom din hija prijorità.
Filwaqt li l-parti l-kbira ta’ dawk li wieġbu, jistennew li l-istandard tal-għajxien tagħhom jibqa’ stabbli matul il-ħames snin li ġejjin, sehem sostanzjali (28%) jantiċipa tnaqqis, speċjalment f’pajjiżi fejn l-inċertezza ekonomika tinħass b’mod aktar akut. Il-biża’ li l-istandard tal-għajxien tagħhom se jonqos tinħass l-aktar fost iċ-ċittadini Franċiżi (45%), Belġjani u Slovakki (it-tnejn li huma 40%). F’Malta, 26% jaħsbu li l-livell tal-għajxien tagħhom se jiżdied, 46% jistennew li jibqa’ l-istess, u 26% jaħsbu li dan se jonqos. Fil-livell Ewropew, iċ-ċittadini jistennew li l-UE tiffoka fuq it-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħha fid-dinja, b’mod partikolari billi tiffoka fuq id-difiża u s-sigurtà (40%, żieda ta’ 3 punti perċentwali meta mqabbla mal-aħħar stħarriġ).
Sadanittant, iċ-ċittadini jerġgħu jsostnu l-importanza tal-valuri fundamentali u fundaturi. Il-paċi toħroġ bħala l-valur li l-maġġoranza jridu li jiddefendi l-Parlament Ewropew (52%), u dan jirrifletti l-klima ġeopolitika attwali. Id-demokrazija (35%), il-libertà tal-kelma (23%), id-drittijiet tal-bniedem (22%), u l-istat tad-dritt (21%) jibqgħu wkoll aspettattivi importanti.
Appoġġ dejjem akbar għas-sħubija fl-UE
L-attitudni lejn l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha għadha pożittiva minkejja tnaqqis żgħir minn Mejju 2025. Maġġoranza relattiva għandha immaġni favorevoli tal-UE (49%, -3pp) bi 17% biss għandhom immaġni negattiva, filwaqt li 38% (-3pp) għandhom immaġni pożittiva tal-Parlament Ewropew, b’20% biss li għandhom immaġni negattiva. Maġġoranza b’saħħitha u li qed tikber ta’ ċittadini jaħsbu li s-sħubija ta’ pajjiżhom fl-UE hija ħaġa tajba: 62%, żieda ta’ żewġ punti perċentwali minn meta saret il-mistoqsija l-aħħar fi Frar/Marzu 2024.
71% tal-Maltin jaħsbu li s-sħubija fl-UE hija xi ħaġa tajba filwaqt li 22% huma newtrali dwar dan. Barra minn hekk, 77% jixtiequ jaraw il-Parlament Ewropew jieħu rwol aktar importanti.
Mil-lat soċjodemografiku, iż-żgħażagħ għadhom fost l-aktar sostenituri entużjasti tal-UE u għandhom aspettattivi għoljin fir-rigward tar-rwol tagħha. Iċ-ċittadini żgħażagħ, ta’ bejn il-15 u t-30 sena, għandhom it-tendenza li jaraw lill-UE u lill-Parlament f’dawl pożittiv aktar minn ċittadini akbar fl-età. Fost iż-żgħażagħ, 58% għandhom immaġni pożittiva tal-UE (meta mqabbla ma’ 49%-43% fost il-gruppi ta’ età akbar) u 68% jridu rwol aktar b’saħħtu għall-Parlament Ewropew (meta mqabbla ma’ 58%-54%). Hemm ukoll appoġġ qawwi ħafna fost iż-żgħażagħ Ewropej għal: aktar unità fost l-Istati Membri fil-kuntest attwali (90%), aktar mezzi għall-Unjoni Ewropea (78%) u vuċi tal-UE aktar b’saħħitha fil-livell internazzjonali (87%).
Ir-riżultati sħaħ jinsabu fuq is-sit tal-Ewrobarometru.
Kuntest
L-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-Parlament Ewropew tal-ħarifa 2025 twettaq mill-aġenzija tar-riċerka Verian bejn is-6 u t-30 ta’ Novembru 2025 fis-27 Stat Membru tal-UE. L-istħarriġ twettaq wiċċ imb wiċċ, u f’xi Stati Membri (Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, Malta, l-Olanda u l-Iżvezja) intużaw ukoll intervisti bil-vidjo (CAVI). Saru total ta’ 26,453 intervista. Ir-riżultati għall-UE sħiħa ngħataw piż skont id-daqs tal-popolazzjoni f’kull pajjiż.