Jum l-Ewropa 2025 - ċelebrazzjoni ta’ 75 sena ta’ paċi u għaqda
L-istudenti u ż-żgħażagħ kienu fiċ-ċentru tal-attivitajiet imtellgħa biex jiġi ċċelebrat Jum l-Ewropa 2025 f’Malta, hekk kif il-kontinent qed jiċċelebra l-75 sena mid-Dikjarazzjoni ta' Schuman.
L-istudenti u ż-żgħażagħ kienu fiċ-ċentru tal-attivitajiet imtellgħa biex jiġi ċċelebrat Jum l-Ewropa 2025 f’Malta, hekk kif il-kontinent qed jiċċelebra l-75 sena mid-Dikjarazzjoni ta' Schuman.
Bħala parti minn programm ta’ attivitajiet li saru fi Pjazza Ħelsien, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta organizza l-kwizz finali tal-Programm tal-Iskejjel tal-Ambaxxaturi tal-Parlament Ewropew, fejn studenti sekondarji u postsekondarji wrew l-għarfien tagħhom dwar l-UE.
Il-Kulleġġ Sacred Heart ħareġ rebbieħ ta’ kompetizzjoni missielta bejn l-għaxar skejjel sekondarji u postsekondarji finalisti. Matul in-nofstanhar, żaru l-istands differenti ta’ informazzjoni l-Prim Ministru Robert Abela, il-Kummissarju Ewropew Glenn Micallef, u l-MEP Peter Agius.
Fl-Università ta’ Malta, il-Membri Parlamentari Ewropej Alex Agius Saliba (S&D) u Peter Agius (PPE) ipparteċipaw f’dibattitu organizzat minn JEF, flimkien mal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta. Huma tkellmu dwar il-prijoritajiet u x-xogħol parlamentari tagħhom f’din l-aħħar sena. Filwaqt li jiffurmaw parti minn gruppi politiċi differenti, huma qablu dwar il-fatt li l-pożizzjonijiet tagħhom huma primarjament iddettati wkoll minn dak li jqisu tajjeb għal Malta u ċ-ċittadini tagħha. Id-dibattitu seħħ bħala parti mill-European Village fil-Kwadranglu fl-Università ta' Malta, fejn l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta, l-Istitut għall-Istudji Ewropej kif ukoll organizzazzjonijiet studenteski varji kellhom stand b'ikel tradizzjonali minn diversi stati membri tal-UE.
Dr Mario Sammut, Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, tkellem dwar is-sinifikat tal-jum tad-9 ta’ Mejju: “Huwa importanti li qatt ma ninsew il-perspettiva usa’ u ma nieħdux bħala fatt ovvju l-Ewropa li ngħixu fiha llum, bl-imperfezzjonijiet kollha tagħha iżda magħquda fil-paċi. Il-viżjoni tal-fundaturi tal-UE kienet waħda ambizzjuża u l-Parlament Ewropew jibqa’ fuq quddiem nett fiż-żamma tal-valuri li fuqhom huwa bbażat il-proġett Ewropew,” qal Dr Sammut.
Aktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet, programm simili ġie organizzat flimkien ma’ Europe Direct Gozo fil-Ġonna ta’ Villa Rundle fir-Rabat, Għawdex. Dawn l-attivitajiet ġew organizzati flimkien mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, SEM - Servizzi Ewropej f’Malta, u numru ta’ entitajiet oħra relatati mal-UE bbażati f’Malta.
MEP Debate