Is-Servizz tat-Traduzzjoni tal-Parlament Ewropew f’ħidma mal-istudenti u l-professjonisti f'Malta

Mit-18 sal-20 ta' Marzu 2026, rappreżentanti tas-servizz tat-traduzzjoni tal-Parlament Ewropew kienu f'Malta għal sensiela ta' attivitajiet immirati biex jilħqu lill-istudenti, edukaturi, u professjonisti tal-lingwi u jiftħu l-bibien għal opportunitajiet ta’ karrieri fil-komunikazzjoni multilingwi.

Fuq it-tlett ijiem, il-programm laqqa’ l-imsieħba ewlenin mill-Parlament Ewropew u mill-komunità akkademika u professjonali f’Malta, u ħoloq spazju għal diskussjoni, tagħlim, u skambji tal-esperjenzi.

Għaliex hija importanti l-lingwa?

Wieħed mill-mumenti li spikkaw kienet taħdita fl-Università ta' Malta dwar "Il-Lingwa tad-Demokrazija – Biex kull Vuċi Tinstema'".

Fid-diskussjoni ħadu sehem Valter Mavrič, Direttur Ġenerali għat-Traduzzjoni, flimkien ma' Rhoda Garland, Kummissarju għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, il-Professur Ray Fabri, u s-Sa Nicole Bartolo.

Il-kelliema enfasizzaw idea sempliċi iżda b’saħħitha: fl-Unjoni Ewropea, il-lingwa mhix biss għodda - hija dak li jagħmel id-demokrazija aċċessibbli.

B'24 lingwa uffiċjali, it-tradutturi għandhom rwol kruċjali li jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu u jinvolvu ruħhom fil-politiki tal-UE - billi jqarrbu l-kulturi, l-ideat u l-perspettivi.

Ħarsa mill-qrib lejn il-professjoni

L-istudenti kellhom ukoll l-opportunità li jesploraw kif taħdem it-traduzzjoni fil-prattika f’workshop prattiku f'Dar l-Ewropa fil-Belt Valletta li tmexxa minn Valter Mavrič u Clare Bugeja Gafà, Kap tal-Unità tat-Traduzzjoni Maltija, li ta ħarsa lejn l-għodod, il-metodi ta’ ħidma u l-opportunitajiet ta' karriera fi ħdan il-Parlament Ewropew.

Il-parteċipanti setgħu jiltaqgħu wkoll b’mod individwali ma’ dawn l-uffiċjali, li setgħu jiggwidawhom f’dawn l-ewwel passi siewja lejn karrieri potenzjali fl-istituzzjonijiet Ewropej.

It-traduzzjoni f'dinja li qed tinbidel

Iż-żjara ħarset ukoll lejn il-modi kif il-professjoni qed tevolvi fil-kuntest tal-IA u t-teknoloġiji l-ġodda.

F’Lecture li fakkar il-memorja ta’ Joseph Eynaud, organizzat mill-Università ta' Malta, il-Prof. Joss Moorkens u Valter Mavrič tħadtu dwar kif ir-rwol tat-tradutturi qed jikber - aktar milli jisparixxi - f’kuntest diġitali li qed jinbidel il-ħin kollu.

Il-messaġġ kien ċar: filwaqt li t-teknoloġija qed tittrasforma l-qasam, l-għarfien espert uman jibqa' essenzjali biex jiżgura l-kwalità, l-eżattezza, u l-fehim kulturali.

Konnessjonijiet fuq livell lokali

Il-programm kien jinkludi wkoll laqgħat ma' msieħba akkademiċi u istituzzjonali ewlenin, inkluż il-Prof. Alfred Vella, Rettur tal-Università ta' Malta, kif ukoll rappreżentanti mill-fakultajiet u uffiċjali mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Dawn id-diskussjonijiet iffukaw fuq modi kif jiġu mħeġġa aktar studenti biex isegwu studji tal-lingwi u biex ikun hawn aktar professjonisti tal-lingwi f'Malta fil-futur.

L-uffiċjali kellhom ukoll xi intervisti mal-midja - inkluż mar-radju RTK u t-Times of Malta - biex il-konverżazzjoni tasal għand udjenza usa'.

Parti minn konverżazzjoni usa'

Din iż-żjara tad-DĠ Trad kienet parti wkoll mal-inizjattiva usa' "Art of Activism" (l-Arti tal-Attiviżmu), organizzata b'kollaborazzjoni bejn JEF Malta u l-Uffiċċju tal-PE f'Malta, li tgħaqqad liż-żgħażagħ permezz ta' taħditiet, workshops, u attivitajiet kreattivi ffukati fuq il-parteċipazzjoni demokratika.

Ħarsa 'l quddiem

Aktar minn kull ħaġa oħra, iż-żjara wriet li l-lingwi jibqgħu fil-qalba tal-Ewropa - mhux biss bħala professjoni, iżda bħala pont li jgħaqqad.

Permezz ta’ inizjattiva bħal din mal-istudenti u l-edukaturi ta’ Malta, il-Parlament Ewropew ikompli jinvesti fil-ġenerazzjoni li jmiss - billi jiżgura li kull leħen ikun jista’ jinstema’, jinftiehem u jkun rappreżentat.

image-from-the-document-managerimage-from-the-document-manager-13