Il-films finalisti tal-Premju LUX tal-Udjenza se jintwerew b'xejn fi Frar u Marzu

Wiri b'xejn tal-films finalisti tal-Premju LUX tal-Udjenza 2026

Il-films finalisti tal-Premju LUX tal-Udjenza 2026

L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta huwa kburi sabiex iniedi l-kampanja tal-Premju LUX tal-Udjenza 2026, li se twassal ħames films finalisti Ewropej b’saħħithom għand l-udjenzi Maltin u Għawdxin permezz ta’ wiri pubbliku tal-films b’xejn fiċ-ċinemas lokali.

Il-Premju LUX tal-Udjenza, li huwa organizzat mill-Parlament Ewropew u mill-European Film Academy, jiċċelebra ċ-ċinema Ewropea li tirrifletti l-aktar stejjer soċjali, politiċi u umani importanti tal-lum il-ġurnata, filwaqt li jħeġġeġ lill-udjenzi jaraw dawn il-films, jiddiskutuhom u jivvutawlhom.

Wiri b’xejn fil-Belt Valletta u f’Għawdex

Għall-edizzjoni ta’ din is-sena, il-ħames films nominati se jintwerew b’xejn:
•    darba fi Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta
•    darba fis-Citadel Cinema f’Għawdex

Il-wiri kollu se jinkludi sottotitoli bil-Malti u bl-Ingliż, u għall-ewwel darba, il-ħames films finalisti se jkollhom ukoll sottotitoli għall-udjenzi neqsin mis-smigħ jew b’diffikultajiet tas-smigħ (SDH) bil-Malti u bl-Ingliż, li jsaħħaħ l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni.

Il-ħames films finalisti jiġu sottotitolati bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Parlament Ewropew, u l-wiri b’xejn isir fis-27 Stat Membru tal-UE, inkluż f’Malta.

Il-wiri qed jiġi organizzat b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv u Citadel Cinema, u se jsir fi Frar u f’Marzu 2026.

Nintroduċu l-finalisti tal-Premju LUX tal-Udjenza 2026

Christy
Christy, żagħżugħ ta’ sbatax-il sena, huwa mġiegħel jgħix ma’ ħuh il-kbir wara li jitkeċċa mill-foster home tiegħu f’żona suburbana. Filwaqt li ħuh iqis l-arranġament bħala wieħed temporanju, Christy jibda jħossu komdu fin-naħa ta’ fuq ta’ Cork, mal-klassi tal-ħaddiema. Jagħmel il-ħbieb u jirrikonċilja mal-passat tiegħu permezz tal-familja estiża tiegħu li hija ta’ influwenza ħażina fuqu. Għalkemm determinat li jagħti futur aħjar lil Christy, ħuh jiffaċċja għażliet ibsin li jistgħu jġibu l-firda bejniethom. Wara tant snin ’il bogħod minn xulxin, l-aħwa issa jridu jirrikonċiljaw mal-passat turbolenti tagħhom filwaqt li jiddeċiedu x’se jagħmlu dwar il-futur tagħhom.

Deaf (Sorda)
Ángela hija mara bi problemi ta’ nuqqas ta’ smigħ u li qed tistenna l-wasla tat-tarbija tagħha mas-sieħeb tagħha, Héctor, li jisma’. Il-wasla tat-tarbija tfixkel ir-relazzjoni tagħhom, u ġġiegħel lil Ángela tiffaċċja l-isfidi li trabbi lil bintha f’dinja li ma tipprovdix għall-ħtiġijiet tagħha.

It Was Just an Accident
Inċident żgħir jagħti bidu għal sensiela ta’ konsegwenzi li jkomplu jiżdiedu.

Love Me Tender
Fl-aħħar tas-sajf, Clémence tgħid lill-eks raġel tagħha li kellha xi relazzjonijiet man-nisa. Ħajjitha tinqaleb ta’ taħt fuq meta hu jipprova jxekkel lil Clémence milli jkollha kuntatt ma’ binhom. Clémence jkollha tiġġieled sabiex tibqa’ omm u mara libera.

Sentimental Value
L-aħwa Nora u Agnes jerġgħu jingħaqdu ma’ missierhom, il-kariżmatiku Gustav, li kienu ilhom ma jaraw. Gustav, direttur li darba kien magħruf sew, joffri rwol lil Nora, li hi attriċi tal-palk, bit-tama li jerġa’ jagħti spinta lill-karriera tiegħu. Wara li Nora tirrifjutah, hi malajr tiskopri li l-parti tagħha taha lil stilla żagħżugħa ta’ Hollywood minflok. F’daqqa waħda, iż-żewġt aħwa jridu jinnavigaw ir-relazzjoni kkumplikata tagħhom ma’ missierhom u ma’ stilla Amerikana li sabet ruħha eżatt fiċ-ċentru tad-dinamiki kumplessi tal-familja tagħhom.

Ivvota u irbaħ: Ikklassifika l-films sa April 2026

L-udjenzi huma mħeġġin mhux biss sabiex imorru jaraw il-films, iżda anke sabiex jikklassifikaw il-films online sa April 2026. Billi jivvutaw, is-segwaċi jidħlu fiċ-ċans li jirbħu premji eċitanti, inkluż:
•    vjaġġ għall-Parlament Ewropew
•    iċ-ċans li jattendu ċ-Ċerimonja tal-Premju LUX tal-Udjenza f’April 2026
•    opportunità li jiltaqgħu mad-diretturi u l-crews tal-films nominati

L-iskeda tal-wiri

Iċ-Ċinema ta’ Spazju Kreattiv (il-Belt Valletta)
Il-films kollha jibdew fis-7.30pm

•    It-Tlieta, 3 ta’ Marzu 2026 – Sorda
•    It-Tlieta, 10 ta’ Marzu 2026 – Christy
•    It-Tlieta, 17 ta’ Marzu 2026 – Sentimental Value
•    It-Tlieta 24 ta’ Marzu 2026 – Love Me Tender
•    It-Tlieta 31 ta’ Marzu 2026 – It Was Just an Accident

Citadel Cinema (Għawdex)
Il-films kollha jibdew fit-3pm

•    Il-Ħadd, 8 ta’ Frar 2026 – Christy
•    Il-Ħadd, 15 ta’ Frar 2026 – Sentimental Value
•    Il-Ħadd, 22 ta’ Frar 2026 – Love Me Tender
•    Il-Ħadd, l-1 ta’ Marzu 2026 – It Was Just an Accident

Aktar tagħrif minn hawn.

Isma' x'kellu xi jgħid Matteo Caruana Bond, ir-rappreżentant Malti fil-Programm Talent Żagħżugħ 2025, dwar il-Premju LUX tal-Udjenza hawn taħt.

Matteo Caruana Bond, ir-rappreżentant Malti fil-Programm Talent Żagħżugħ 2025