l-Arti tal-Attiviżmu
Din il-ġimgħa, JEF Malta, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta u msieħba lokali, se jniedu l-kampanja Democracy Under Pressure għall-2026, bit-titlu ‘The Art of Activism’ (l-Arti tal-Attiviżmu), li se tlaqqa’ flimkien liż-żgħażagħ biex jesploraw kif il-kreattività u l-impenn ċiviku jistgħu jsaħħu l-parteċipazzjoni demokratika.

Din il-ġimgħa, JEF Malta, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta u msieħba lokali, se jniedu l-kampanja Democracy Under Pressure għall-2026, bit-titlu ‘The Art of Activism’ (l-Arti tal-Attiviżmu), li se tlaqqa’ flimkien liż-żgħażagħ biex jesploraw kif il-kreattività u l-impenn ċiviku jistgħu jsaħħu l-parteċipazzjoni demokratika.
Il-kampanja, li se tkiun għaddejja bejn it-18 u l-25 ta’ Marzu, se tinkludi firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, inklużi taħditiet, workshops, sessjonijiet interattivi u wirja tal-arti, kollha mmirati biex jinkoraġġixxu r-riflessjoni dwar il-valuri Ewropej, l-inklużjoni u ċ-ċittadinanza attiva.
Il-programm se jiftaħ fit-18 ta’ Marzu b’JEF Talk bit-titlu “The Language of Democracy: Ensuring every voice is heard”, fejn fost il-kelliema se jkun hemm id-Direttur Ġenerali għat-Traduzzjoni fil-Parlament Ewropew, Valter Mavrič, flimkien mal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Rhoda Garland, l-Avukat tal-Inklużività Nicole Bartolo u l-Professur Ray Fabri, mill-Istitut tal-Lingwistika u l-Kunsill Nazzjonali għal-Lingwa Maltija. Id-diskussjoni se tiffoka fuq id-diversità lingwistika, l-aċċessibbiltà u l-importanza li jiġi żgurat li l-proċessi demokratiċi jibqgħu inklużivi u aċċessibbli għal kulħadd.
Matul il-ġimgħa, il-parteċipanti se jkollhom ukoll l-opportunità li jinvolvu ruħhom f’Librerija Umana, workshops kreattivi u wirja tal-arti li tesplora d-demokrazija bħala proċess ħaj u li qed jevolvi, u li jenfasizzaw kif l-espressjoni artistika tista’ sservi bħala għodda qawwija għall-impenn ċiviku.
Fit-23 ta’ Marzu, it-tieni JEF Talk bit-titlu “Content Creation for Change: Is Digital Activism Enough?” dwar ir-rwol tal-ħolqien tal-kontenut, il-midja u l-pjattaformi diġitali fit-tiswir tad-diskors pubbliku u fil-proċess tal-bidla soċjali.
L-inizjattiva hija parti minn kampanja Ewropea usa’ mmexxija miż-Żgħażagħ Federalisti Ewropej madwar l-Ewropa kollha, bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar ir-rwol tal-attiviżmu taż-żgħażagħ fiż-żamma tal-valuri demokratiċi u fl-inkoraġġiment ta’ parteċipazzjoni akbar fil-ħajja ċivika.
Permezz ta’ inizjattivi bħal The Art of Activism, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta jkompli jinvolvi ruħu maż-żgħażagħ, irawwem id-djalogu u jippromwovi inizjattivi biex wieħed jifhem aħjar id-demokrazija, il-parteċipazzjoni u l-Unjoni Ewropea.