Euroscola lura magħna għal staġun ġdid
Il-programm Euroscola reġa' magħna din il-ġimgħa

Il-programm Euroscola reġa’ magħna din il-ġimgħa, kemm hawn Malta u kemm fi Strażburgu.
Qabel ma niftħu dan il-kapitlu l-ġdid, tajjeb nagħrfu s-suċċess tas-sena skolastika li għaddiet. Total ta’ 631 student minn 15-il skola sekondarja u postsekondarja f’Malta u Għawdex għamlu t-test ta’ Euroscola, u wrew l-interess tagħhom fl-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha.
Minn dawn, 336 student kellhom l-opportunità unika li jipparteċipaw f’sessjonijiet ta’ Euroscola fi Strażburgu, fejn esperjenzaw l-ħidma tal-Parlament Ewropew. Il-programm ipprovda pjattaforma għaż-żgħażagħ sabiex jaqsmu l-fehmiet tagħhom ma’ ħbieb minn madwar l-Unjoni Ewropea u sabiex jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet fuq kwistjonijiet Ewropej ewlenin.
Aħna u nibdew is-sena skolastika 2025-2026, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta jinsab ħerqan għal staġun ieħor ta’ suċċess ta’ Euroscola, mimli bil-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ, tagħlim, u djalogu fuq id-demokrazija Ewropea.
Skejjel li huma interessati jieħdu sehem f’sessjonijiet futuri ta’ Euroscola huma mħeġġa jikkuntattjaw lill-Korrispondenta taż-Żgħażagħ Odette Camilleri Bonett, għal aktar informazzjoni fuq kif jistgħu jinvolvu ruħhom. U jekk għadna ma kkonvinċejnikomx, agħfsu hawn biex taraw x’kellhom xi jgħidu parteċipanti preċedenti dwar l-esperjenza tagħhom!